Il-ġlied bejn l-Armata tal-Iraq u l-ISIS fil-belt ta’ Falluja jidher qed jiħrax meta t-terroristi li ilhom jokkupaw din il-belt kruċjali mill-bidu tal-2014 għadhom joffru reżistenza qawwija.
Fil-fatt, l-ISIS irnexxielhom iwettqu kontra-attakk fuq il-militar tal-Gvern Iraqi huma u javvanzaw mis-sobborg ta’ Nuaimiya lejn il-qalba ta’ Falluja. Ir-rapporti qalu li għexieren ta’ ġellieda tal-ISIS attakkaw lis-suldati Iraqqin, iżda l-militar irnexxielhom ‘jegħlbu lit-terroristi’. Madankollu, sorsi infurmati qalu li l-Armata tal-Iraq spiċċat titlef numru ta’ suldati waqt il-ġlied qalil.
Sadanittant, ħaddiema mal-aġenziji umanitarji huma inkwetati ħafna dwar is-sigurtà ta’ xi 50,000 ċivili li jaħsbu li spiċċaw maqbudin f’Falluja. Dan fost rapporti li n-nies fl-inħawi ta’ Falluja qed imutu bil-ġuh u li l-ISIS qegħdin joqtlu lir-residenti tal-belt li jirrifjutaw li jiġġieldu fuq in-naħa tagħhom.
Il-militar tal-Iraq qed iħeġġeġ biex in-nies li għadhom fl-inħawi ta’ Falluja jagħmlu li jistgħu biex jaħarbu jew, almenu, jibqgħu magħluqin ġewwa. Iżda l-ISIS qegħdin jagħmlu minn kollox biex ma jħallux liċ-ċivili jitilqu, meta hemm ukoll biża’ li t-terroristi jistgħu jużaw ċivili bħala tarki umani għal kontra s-suldati Iraqqin.
//= $special ?>