Unjoni Ewropea

Għodda finanzjarji innovattivi huma essenzjali biex is-settur kreattiv Ewropew jibqa’ jikber – Comodini Cachia

“L-aċċess għall-finanzi huwa essenzjali biex is-settur kreattiv fl-Ewropa jimraħ ‘il quddiem. Start-ups u SMEs jeħtieġ li jkollhom disponibbli l-informazzjoni fuq is-sorsi ta’ finanzjament u jifhmu l-iskemi li jkunu disponibbli għalihom. Dawk li jfasslu l-politika jridu jikkunsidraw ukoll l-isfidi li qed jaffaċċja s-settur kreattiv”.

L-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia rrimarkat dan wara li ġie adottat rapport dwar ‘access to finance for SMEs and increasing the diversity of SME funding in a Capital Markets Union’ waqt laqgħa tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT) tal-Parlament Ewropew fi Brussell.

Matul il-laqgħat mal-istakeholders f’Malta, deher biċ-ċar kif start-ups u SMEs fis-settur kreattiv qed jaffaċċjaw sfidi kbar fl-aċċess għall-finanzjament. Dan għaliex ir-rekwiżiti qed jinjoraw id-diffikultajiet li dan is-settur jaffaċċja. Therese Comodini Cachia enfasizzat li “f’Malta hawn potenzjal kbir għat-tkabbir f’dan is-settur, iżda jew m’hawnx miżuri sabiex jassistu l-istart-ups u SMEs jew inkella qed ifallu li jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-isfidi tas-settur”.

Is-settur kreattiv huwa wieħed mill-aktar setturi li qed jikbru fl-ekonomija Ewropea. Skont il-figuri tal-Eurostat, dan is-settur jammonta għal 2.9% tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea. Fl-2014, is-settur kulturali kien qed joffri mas-6.3 miljun post tax-xogħol.

Therese Comodini Cachia, li hija membru fil-kumitat CULT, enfasizzat li s-settur kreattiv ma jistax jiddependi biss fuq l-iskemi ta’ investiment mis-settur pubbliku. Hija ressqet numru ta’ emendi għal aktar għodda effiċjenti, flessibbli u innovattivi għall-finanzjament fosthom il-microcredit, kontribuzzjonijiet finanzjarji li maż-żmien jitħallsu lura u l-crowdfunding. L-emendi mressqa minn Comodini Cachia ngħataw l-appoġġ tal-membri fil-kumitat CULT u sabu posthom fir-rapport finali.

Dwar il-crowdfunding, l-Ewroparlamentari Maltija Comodini Cachia laqgħet il-proġett tal-Kummissjoni Ewropea għall-crowdfunding lis-settur kulturali u kreattiv iżda rrimarkat li l-qafas regolatorju u politiku għandu jkun ibbazzat fuq skemi ta’ donazzjonijiet jew li jrendi lura l-investiment mogħti, liema skemi qed jintużaw frekwentament mill-SMEs fis-settur kreattiv. Ir-rapport finali qed jitfassal mill-Kumitat għall-Affarijiet Monetarji u Ekonomiku tal-Parlament Ewropew.