BLOGS

Il-kruha tal-korruzzjoni

Il-korruzzjoni hi xi ħaġa li kienet minn dejjem u tibqa’ għal dejjem. Din, diżgrazzjatament hi, biex ngħid hekk, prodott tal-fraġilità umana. Imma bħal kull ħaġa oħra, hemm diversi gradi ta’ korruzzjoni li għalkemm ilkoll huma ħżiena u kundannabbli, però mhux ilkoll għandhom l-istess gravità u mhux ilkoll iħallu l-istess effetti traġiċi, hemm dawk gravi ħafna, dawk gravi u dawk inqas gravi. Jiddependi mill-awtur kif ukoll miċ-ċirkustanzi li fihom issir il-korruzzjoni.

Huwa fatt li matul l-aħħar sena u b’mod partikulari matul dawn l-aħħar xhur, pajjiżna qed jesperjenza korruzzjoni ta’ gravità kbira. Il-fatti li ħarġu ċari u fil-beraħ ma jħallu l-ebda dubju li x-xamma tinten ta’ korruzzjoni hi waħda reali u agħar minnhekk, ġejja minn persuni importanti li jinsabu jokkupaw post fl-ogħla ġerarkija tal-Istat, wieħed Ministru tal-Gvern, ieħor il-Kap fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u nies oħrajn li wkoll għandhom skrivanija fl-uffiċċju tal-istess Prim Ministru u oħrajn li s’issa għadhom mhux magħrufa. Dan kollu kien żvelat minn grupp kbir ta’ ġurnalisti internazzjonali li rnexxielhom jakkwistaw pataflun ta’ emails (mal-11-il miljun) maħduma mill-Kumpanija Mossack Fonseca fost oħrajn, li huma magħrufa bħala l-Panama Papers. Minn dawn id-dokumenti, persentaġġ żgħir biss għadu ħareġ, waqt li għad fadal ferm u ferm aktar x’jiġi ppubblikat. Tant hu kbir dan l-iskandlu li hu meqjus bħala l-akbar skandlu finanzjarju li qatt rat id-dinja.

Diżgrazzjatament, Malta wkoll ġiet imċappsa b’dan l-iskandlu permezz ta’ diversi ismijiet Maltin, li tajjeb ngħidu li ħafna minnhom huma każijiet tal-passat fejn uħud minnhom huma wkoll skaduti. Però fost dawn insibu l-Ministru Konrad Mizzi, l-uniku Ministru li ġej minn pajjiż fl-Unjoni Ewropea, apparti ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Ismijiet oħra li ssemmew u li ġejjin minn pajjiżi liberi u demokratiċi immedjatament irriżenjaw mill-kariga tagħhom, fosthom hemm il-Prim Ministru tal-Iżlanda u anke Ministru Spanjol. Imma l-Ministru tagħna, dan le, dan forsi jaħseb li hu ‘l fuq mil-liġi. Mhux hekk biss, imma l-Prim Ministru, li wara kollox hu responsabbli mill-Eżekuttiv tal-pajjiż, ma ra xejn ħażin u ilu sa minn meta tfaċċa dan l-iskandlu, issa kważi 12-il ġimgħa, jipprova jiddefendihom b’kull mezz possibbli. Jiddefendi dak li hu indifensibbli.

Tajjeb ngħidu li dan qed isir meta kontinwament qed ikomplu joħorġu aktar informazzjoni u dettalji dwar dawn il-persuni u oħrajn. Min jaf, forsi għad joħroġ l-isem reali tal-famuż kont sigriet tal-Panama “Egrant”. Nistennew u naraw.

Però l-iskandlu tal-Panama Papers hu biss tip wieħed ta’ korruzzjoni, veru li hu l-aktar gravi u serju, iżda hemm każi oħrajn li qed isiru anki bil-barka tal-amministrazzjoni preżenti, pereżempju; dawk l-eluf ta’ postijiet tax-xogħol taħt il-kappa ta’ Persons of Trust, nerġa’ ngħid eluf, b’salarji mhux żgħar, fejn rajna kważi l-istaff kollu tal-One TV, jispiċċaw fuq il-payroll tal-Gvern, kull min deher fuq il-billboards jew kien ta’ għajnuna matul il-kampanja elettorali għall-Partit Laburista, il-ħbieb intimi ta’ Joseph Muscat u tal-Ministri, saħansitra anki dawk ħbieb tal-mara tal-Prim Ministru.

Naċċetta, mela le, li l-Gvern ikollu bżonn ta’ nies ta’ fiduċja biex jgħinuh iwettaq il-programm tiegħu, imma mhux eluf, mhux cleaners u watchmen. U dawn kif iddaħħlu, bla ebda sejħa mill-ETC, ma jsiru l-ebda interviews, kollha tal-istess kulur, jew fil-maġġoranza assoluta. Nipotiżmu sfrenat.

Ħaġa oħra li ma naħsibx li hi sewwa hu l-fatt li waqt li xi wħud (dawk ta’ position of trust) għandhom paga tajba ħafna, kultant ħafna aktar mix-xogħol li qed iwettqu, oħrajn qed jiġu impjegati permezz ta’ kumpaniji wħud minnhom anki mwaqqfa mill-Gvern, li qed iħallsuhom b’pagi verament baxxi u degradanti; il-veru xogħol tal-prekarjat. Meta dan il-Gvern wegħedna li se jeqred il-prekarjat u mhux ikompli jżidu.

L-istess nistgħu ngħidu għall-ħatriet suppost prestiġjużi bħal, pereżempju, l-Ambaxxaturi, fejn għalihom suppost jiġu magħżula nies ta’ ċerta kapaċità u professjonalità u mhux dawk tal-qalba u oħrajn ‘suldati tal-azzar’ li l-uniċi kredenzjali li għandhom huma l-ħbiberija tagħhom mal-kbar nett u s-sehem u l-appoġġ li taw lill-Partit Laburista.

Wara kollox dan hu dak li ġejna mwiegħda minn Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu fl-aħħar elezzjoni u għal dan ġew eletti. Dawn huma parti mill-‘vetrina’ ta’ Malta fil-pajjiżi fejn huma ppostjati. Nittama li l-preżenza tagħhom, għemilhom u ħidmiethom tkun waħda li tagħmel unur lil pajjiżna u mhux il-kontra.

Tip ta’ korruzzjoni oħra hi l-mod ta’ kif barranin qed jakkwistaw il-passaporti Maltin u naturalment dawk Ewropew. Veru li hemm regolamenti li wieħed irid jimxi magħhom biex jakkwista dan il-passaport, però jien nistaqsi; min qed jakkwista passaport Malti qed fil-verità jimxi ma’ dawn ir-regolamenti jew qed sempliċement iħallas il-flus u daqshekk? Għax għal dan il-Gvern donnu li l-flus kollox. Milli naqraw u nisimgħu ma tantx jidher li dawn it-talin qed jimxu mad-direttivi imposti mil-liġi għall-akkwist tal-passaport Malti.

U xi ngħidu dwar id-dritt tal-vot f’pajjiżna llum? X’inhu jsir fl-Identity Malta? Għadna kif smajna li l-Partit Nazzjonalista għadu kemm irrikorra għall-qrati Maltin biex jiċċalinġja l-mod skandaluż u skorrett li bih barranin li xtraw passaport Malti ngħataw id-dritt tal-vot.

Dan imur kontra l-liġi li tirregola l-eliġibbiltà ta’ min għandu dritt jivvota f’pajjizna, li fost ħwejjeġ oħra tgħid li biex wieħed jivvota f’Malta jrid ikun residenti fil-pajjiż għal mill-inqas sitt xhur fl-aħħar sena u nofs. U minn dan kollu ma hemm xejn, apparti li dawn it-talin f’bosta minnhom hemm anki indirizz falz tar-residenza.

Anki dan hu bla dubju korruzzjoni ċara u sfaċċata u li għaliha hi mistennija li tagħti spjega l-Kummissjoni Elettorali li hi responsabbli proprju mill-għoti tal-vot liċ-ċittadin. Dawn huma biss ftit mill-korruzzjoni li smajna biha dawn l-aħħar ġimgħat.

Dawn l-affarijiet jikkostitwixxu reati ta’ korruzzjoni, xi ħaġa li tant sema’ biha l-poplu qabel l-aħħar elezzjoni mill-Partit ta’ Joseph Muscat. U ma tagħmilx sens li meta ffaċċjati mill-kruha ta’ din il-korruzzjoni l-Gvern preżenti jipprova jiddefendi ruħu billi jgħid li anki ta’ qabilhom kienu hekk. Jekk ta’ qabilhom kienu hekk, dawk ħallsu għal għemilhom bi tkaxkira ta’ 36,000 vot fl-aħħar elezzjoni u wara wegħdi solenni li dawn se jimxu biss, fuq l-onestà,l-akkontabbiltà, trasparenza u politika nadifa. Però kif jgħid il-Malti, ‘bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti’.

Għalhekk, hemm bżonn immedjat ta’ tindifa ġenerali minn dan il-ħmieġ li ninsabu ffaċċjati bih illum. Min ikkommetta l-korruzzjoni, l-unika triq li għandu hu li jitlaq ‘il barra mill-uffiċċju li ‘sellfuh’ in-nies biex jagħmel is-sewwa. Dan għandu jerfa’ r-responsabbiltà għal għemilu.

Fin-nuqqas li dan iseħħ, imbagħad għandu jidħol fix-xena min għandu l-awtorità mhux biss morali imma dik eżekuttiva u hu wkoll ikun responsabbli biex jara li dik ir-responsabbiltà li ma refax ħaddieħor allura jerfagħha hu u jkeċċi b’mod immedjat lil kull min abbuża mill-uffiċċju li qed imexxi u kkummetta korruzzjoni li fil-każ ta’ Malta hi l-akbar att ta’ korruzzjoni li qatt rat Malta fejn jidħlu l-immaniġġjar tas-sistema fiskali u l-ħlas dovut moralment u legalment tal-ħlas tat-taxxi dovuti lill-istat Malti.