Lokali

Il-Kummissjoni Emigranti mħassba dwar in-numru dejjem jikber ta’ traġedji fil-mediterran

Mill-Arkivji

Quddiem ir-realtà li rriżultat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), fejn hu stmat li n-numru ta’ immigranti li mietu fi traġedji fil-Mediterran qabeż l-1,000 fl-aħħar ġimgħa ta’ Mejju u aktar minn 2,500 din is-sena biss, it-Taqsima Refuġjati tal-Kummissjoni Emigranti ingħaqdet mal-appell li għamel lill-Ewropa l-Kardinal Rainer Maria Woelki ta’ Koln, il-Ġermanja, fil-Quddiesa ta’ Corpus Christi.

Fi stqarrija, it-Taqsima fi ħdan il-Kummissjoni Emigranti fakkret fi kliem il-Kardinal Woelki meta qal li “min iħalli n-nies jegħrqu fil-Mediterran, ikun jgħerreq ukoll lil Alla. Il-karba tagħhom għall-ġustizzja, id-dinjità u l-paċi hi wkoll il-karba ta’ Alla”. Hu kien għamel din it-twiddiba fil-Pjazza ta’ quddiem il-Katidral, minn fuq Artal magħmul minn lanċa ta’ seba’ metri ta’ immigranti tal-Mediterran, li kienet irkuprata mill-Forzi Armati ta’ Malta waqt waħda mill-missjonijiet tagħhom ta’ salvataġġ.

It-Taqsima Refuġjati qalet li t-tħassib li wera l-Kardinal ta’ Koln huma bħas-sentimenti murija diversi drabi mill-Isqfijiet Maltin matul is-snin dwar l-imwiet fil-Mediterran. Fl-aktar appell riċenti, waqt żjara li għamel abbord il-vapur Phoenix tal-Migrant Offshore Aid Station (MOAS), l-Arċisqof Mons Charles Scicluna saħaq fuq l-importanza li l-ħniena tkun konkreta.

Filwaqt li tenniet l-inkuraġġiment tagħha lill-awtoritajiet u l-Forzi Armati ta’ Malta biex ma jehdew qatt jagħmlu kulma jkun possibbli biex isalvaw lil min isib ruħu f’riskju matul il-vjaġġ ta’ tama lejn ħajja aħjar, it-Taqsima esprimiet it-tama li l-komunità internazzjonali twieġeb aħjar għad-daqs u l-kwalità tal-fenomenu.

L-ogħla prijorità jibqa’ l-ħarsien tal-ħajja u li min ikollu bżonn l-għajnuna jsibha. Fl-istess waqt, il-komunità internazzjonali ma tistax tibqa’ tittituba quddiem il-bżonn li tingħaqad f’azzjoni ġenwina u konkreta ħalli jinħallu l-problemi li qed iġiegħlu lin-nies jinqatgħu minn għeruqhom u jissugraw ħajjithom fi vjaġġi ta’ tama, spiss immexxija minn kuntrabandisti u traffikanti tal-bnedmin li ma jafux x’inhu skruplu, temmet tgħid l-istqarrija.