Internazzjonali

Isibu fejn spiċċaw il-kaxxi s-suwed tal-EgyptAir

Vapur speċjaliżat Franċiż, il-Laplace, sab il-kaxxi s-suwed tal-ajruplan tal-Egyptair li ġġarraf fil-Mediterran ix-xahar li għadda waqt titjira minn Franza lejn l-Eġittu. Dan wara li reġistra s-sinjal li dawn jittrasmettu awtomatikament.
Ftit ġranet ilu uffiċjali Eġizzjani kienu ħabbru li kienu lokaliżaw il-kaxxi s-suwed imma wara kien irriżulta li dan kien rapport żbaljat.
L-ajruplan għeb fid-19 ta’ Mejju hekk kif kien qed joqrob lejn l-Eġittu mingħajr ma bagħat messaġġi ta’ problemi u l-kawża hi misteru u s-sejba tal-kaxxex is-suwed mistennija jwaddbu dawl fuq x’ġara.
Abbord l-Airbus A320 kien hemm 66 persuna fil-maġġoranza Eġizzjani u Franċiżi imma anki ċittadini mill-Belġju, il-Portugall, ir-Renju Unit l-Alġerija u s-Sudan.
Issa uffiċjali qalu li fiz-zona mistenni jasal vapur militari Franċiż li għandu l-apparat meħtieġ biex itella’ l-kaxxex is-suwed minn qiegħ il-baħar.