BLOGS

Kollox għall-bejgħ

Jekk hemm mentalità li daħħal dan il-Gvern fl-aħħar tliet snin hi l-mentalità li kollox jista’ jinbiegħ u jinxtara, inkluż persuni f’karigi uffiċjali. Ix-xiri jista’ jsir kemm b’termini monetarji kif ukoll b’metodi oħra. Pereżempju, li tinduċi persuna f’kariga uffiċjali biex tonqos minn dmirha jew tabdika minn dmirha, jekk mhux ukoll li tikser il-liġi, għax twebbilha li b’hekk tavvanza ‘l quddiem, jekk mhux hi persuni oħra mill-istess familja, dik ukoll h forma ta’ korruzzjoni u xiri.

Il-prinċipji qed jinbiegħu. Is-sinsla ta’ bosta tmermret. Il-vuċi ta’ wħud, anki fost dawk li għandhom kariġi Kostituzzjonali, intilfet u tkeffnet fi ħsejjes maħluqa apposta. Min ħalef lealtà lejn il-Kostituzzjoni mhux qed jaħsibha darbtejn biex jikser l-istess Kostituzzjoni.

In-nies qed jixbgħu b’dan l-aġir. Il-Partit Nazzjonalista qed ikun il-vuċi tar-raġuni u s-sinsla istituzzjonali li ma jogħtorx quddiem intimidazzjonijiet jew theddid. Min qalilna fis-sajf tal-2013 li konna qed ngħaġġlu u qed nesaġeraw fil-kritika tagħna għal dan l-aġir li kien diġà evidenti, fejn l-abbuż beda jkun ippremjat u l-ksur tal-liġi mhux investigat jekk mhux ukoll mgħotti u midfun, illum qed jgħidilna kemm kellna raġun. In-nies qed jgħidulna li bil-mod il-mod il-pajjiż qed jiżżerżaq lura lejn Stat fejn taħsibha darbtejn jekk tidhirx fil-pubbliku tkellem lil dak jew dik, fejn ma tafdax u fejn min għandu s-setgħa jaħseb li jista’ jirrombla fuq kulħadd għax jemmen li hu u l-Liġi huma ħaġa waħda.

L-aħħar skandlu li nkixef grazzi għall-Partit Nazzjonalista hu l-iskandlu tax-xiri tal-voti. Illum dawk li kienu qalulna li ma konniex korretti meta għidna li hemm abbużi kbar fl-għoti taċ-ċittadinanza lil dawk li qed jixtruha għax ma jagħmlux ġurnata waħda f’Malta u abbużi fl-għoti tad-dritt tal-vot, qed jindunaw li kellna raġun.

Il-Kap tal-Kummissjoni Elettorali hu ċar, għax ħarġet prova dokumentarja mill-gazzetta The Malta Indipendent, li kien infurmat u kien jaf li kien hemm barranin li mhux suppost ingħatalhom il-vot u hu għalaq għajnejh. Naqas minn dmiru. Kiser il-ġurament li ħa u kiser il-liġi b’konsegwenzi kriminali għal min jippermetti informazzjoni falza biex jingħata d-dritt tal-vot. Anki każ wieħed kien ħażin. Li hemm għexieren minn dawn il-każij hu skandaluż u kieku għandu farka dinjità kien jirriżenja minnufih. Kemm hu agħar li l-Ministru tal-Ġustizzja għaġġel u qal li ma kien hemm ebda ksur ta’ liġi u ebda abbuż qabel ma kien jaf il-fatti. Wera kemm il-ġudizzju tiegħu mhux sod u għal darb’oħra wera li ma jafx x’tgħid il-Kostituzzjoni.

Kieku dan pajjiż normali, il-Kummissarju tal-Pulizija kien jinvestiga lilu u lil min kompliċi miegħu minnufih għax dan delitt kriminali li jġib miegħu sa xahar priġunerija. Kieku dan pajjiż normali, il-persuna inkwistjoni kien jirrizenja minnufih. Kieku pajjiz normali kien jirriżenja l-Ministru politikament responsabbli għal dan id-dipartiment li ħadem, ippjana, ippermetta u ħeba dan l-abbuż u ksur tal-liġi.

Imma dan m’għadux pajjiż normali. Dan sar pajjiż fejn għal min imexxi u għandu s-setgħa, il-ħażin ikun ippremjat u t-tajjeb ridikolat. Dan pajjiż immexxi minn min jaħseb li jaf kemm hu l-prezz ta’ kollox imma ma jafx il-valur ta’ xejn.