Lokali

L-audits dwar it-trust u l-kumpanija sigrieta ta’ Konrad Mizzi għadhom mhux lesti

Għaddew xhur minn meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers, li f’pajjiżna ra l-involviment dirett tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri. Dwar dan l-iskandlu, kellu jsir ‘audit’ indipendenti u ‘tax audit’ li talab il-Ministru Konrad Mizzi stess. Madankollu, u minkejja li għaddew ġimgħat sħaħ, dawn l-‘audits’ għadhom mhux lesti.

Skont il-Prim Ministru Joseph Muscat, l-‘audit’ dwar Konrad Mizzi qed isir minn kumpanija barranija u kif ikun lest, se jippubblikah.

Sadanittant, il-Bank of Valletta u l-Ministru Konrad Mizzi għadhom ma spjegawx ittra ta’ referenza partikolari u unika, li Nexia BT użaw biex jiftħu ‘trust’ fi New Zealand u attivitajiet finanzjarji oħra fil-Panama.

Dan kien trattat mill-ġurnal The Times, li qal li din l-ittra kienet deskritta bħala unika u partikolari minn Uffiċjali Anzjani fis-settur finanzjarju għall-mod kif kienet indirizzata u l-Uffiċċju li ħariġha.

Fl-ittra datata l-1 ta’ Ġunju 2015, bil-logo tal-Bank of Valletta, ma ssir l-ebda referenza li Konrad Mizzi hu Ministru u li allura hu persuna esposta politikament.

Iżda mistoqsijiet mibgħuta lill-Bank of Valletta baqgħu mhux imwieġba, filwaqt li l-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta Mario Mallia qal lil The Times li ma kienx f’pożizzjoni li jikkummenta dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw individwi jew entitajiet.