Hekk kif ninsabu ftit iktar minn ġimgħa biss ‘il bogħod mill-bidu tal-Kampjonati Ewropej li se jintlagħabu fi Franza, l-istennija tad-dilettanti tal-futbol internazzjonali qed tkompli tikber hekk kif din id-darba se jkolna kompetizzjoni b’żieda rekord ta’ 24 tim fil-fażi finali tal-Euro 2016. Din il-kompetizzjoni se tkun qed tibda nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Ġunju u se ddum xahar bl-eżatt biċ-champions tad-dinja, il-Ġermanja ikunu fost l-akbar favoriti li jirbħu din l-edizzjoni.
B’rabta mal-Euro 2016, nhar il-Ħadd li ġej, 5 ta’ Ġunju, il-gazzetta ‘Il-Mument’ se tkun qed tippubblika magazine speċjali bid-dettalji kollha li kull dilettant għandu bżonn li jkun jaf dwar l-Euro 2016. Dan il-magazine sportiv hu miktub mill-pinna tal-ġurnalist sportiv u presentatur tal-programmi Replay fuq Net Television u Radio 101, Christian Micallef. Dan tal-aħħar fil-jiem li għaddew għadu kemm rebaħ l-unur għall-aħjar ġurnaliżmu sportiv imxandar f’pajjiżna għat-tmien darba fil-karriera tiegħu.
B’kitba mexxejja, riċerkata u simplifikata, Micallef jagħti dettalji importanti u interessanti dwar kull pajjiż li se jkun qed jilgħab fl-Euro 2016. Kull artiklu jispjega l-mixja ta’ kull tim lejn Franza waqt li jkunu elenkati s-saħħa u n-nuqqasijiet ta’ kull pajjiż parteċipant.
Fl-istess magazine hemm ukoll wall chart tal-partiti kollha tal-Euro 2016 sabiex wieħed ikun jista’ jsegwi l-mixja ta’ kull tim f’din il-kompetizzjoni mill-bidu sal-aħħar. Hemm ukoll dettalji dwar l-għaxar stadiums fejn se jintlagħabu l-partiti kollha kif ukoll ħarsa mill-passat, b’artiklu ieħor riċerkat u interessanti tal-ġurnalist Charles Camenzuli.
Fl-artiklu tiegħu Camenzuli jmur lura sa mill-ewwel edizzjoni tal-Kampjonati Ewropej li kienet ntlagħbet fl-1960 u li kumbinazzjoni kienet saret fi Franza ukoll. B’disinn attrajenti ta’ Andrew Cassar, il-magazine għandu ritratti dwar kull tim finalist.
Mingħajr dubju dan hu wieħed minn dawk il-magazines li kull kollettur ta’ magazines sportivi, inkluż dawk dwar il-futbol internazzjonali, għandu jkollu fil-librerija tiegħu. Il-gazzetta ‘Il-Mument’ ta’ nhar il-Ħadd li ġej se tinbigħ bi prezz speċjali ta’ żewġ ewro.
Intant apparti minn dan il-magazine, minn nhar il-Ħamis, 9 ta’ Ġunju u għal xahar sħiħ, Net Television se jkun qed ixandar programm speċjali bl-isem ta’ Replay Euro 2016. Bi presentazzjoni ta’ Christian Micallef, kuljum wara Net News, għall-ħabta tat-7:50pm, dan il-programm se jkun qed iwassal l-aħħar aħbarijiet, filmati, gowls u intervisti minn din l-akbar kompetizzjoni ta’ futbol fl-Ewropa. Micallef se jkun qed jipproduċi dan il-programm flimkien mal-Kap tal-Aħbarijiet f’Media.Link Communications, Fabian Demicoli u l-ġurnalist Matthew Mamo.