Justin Schembri
Jgħidu li ġimgħa fil-politika hija twila. Tassew. 156 ġimgħa huma ħafna itwal.
Il-politika hija l-aġent tal-bidla, li lkoll nittamaw bidla għall-aħjar, bidla li fiha ħajjitna timxi ‘l quddiem u ma tħarisx aktar lura ħlief biex tagħraf x’seta’ sar aħjar u ttejjeb. Il-politika mhijiex biss l-attwalità, imma hija l-futur mibni fuq passat li jindokra l-preżent magħġun ma’ kull deċiżjoni li tħalli impatt. Il-politika mhijiex biss il-propoganda, il-manifesti, id-diskorsi imma fir-realtà hija l-implimentazzjoni tat-tliet elementi. Hija ħasra għalhekk li dawn l-elementi li għal Joseph Muscat kienu jippreżentaw ‘Malta Ġdida’, il-‘Malta li [J]rid [J]għix Fiha’ ma kienu xejn ħlief kelmiet li llum huma biss paradoss politiku ta’ terremot imwiegħed.
Nifhem li l-maġġoranza li qed jaqraw din l-opinjoni qatt ma ffamiljarizzaw ruħhom ma’ ktieb li jġib l-istess isem ta’ din il-biċċa kitba; miktub minn Cyrus Engerer dwar Joseph Muscat, ovvjament qabel l-elezzjoni tal-2013. Interessanti tassew li llum, nasal biex nafferma li l-ktieb skada minħabba li l-kontenut ta’ fih jitkellem dwar, appuntu l-kuntrarju tat-terremot li wiegħed sa minn meta ġie elett bħala Mexxej tal-‘Malta Labour Party’ li wara nbidel f’Partit Laburista.
“Kien moviment li ma jħarisx lura. Moviment wieħed. Moviment li hu ffukat fuq direzzjoni ġdida għall-pajjiż. L-interess li ġabna flimkien ma kienx wieħed ta’ elezzjonijiet, iżda kif konna għadna kemm smajna ftit tal-ħin qabel, ‘il-kwistjoni hi dwar x’inhuma l-aħjar għażliet li għandhom isiru għalina, għal uliedna u għall-ġenerazzjonijiet li jmiss. Futur fejn uliedna jkunu jistgħu jemmnu li jistgħu jaħdmu biex ibiddlu l-affarijiet u fejn ikunu jistgħu jġibu u jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom’.”
Xhieda ta’ evoluzzjoni konkreta! X’ipokrezija, x’utopja ta’ diskors li issa huwa biss konferma ta’ kemm Joseph Muscat ma rnexxiex fil-viżjoni politika tiegħu.
Proprju l-ġimgħa li għaddiet il-Prim Ministru stqarr li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kienet l-aħjar għażla li Malta qatt setgħet ħadet, wara snin twal ta’ kruċjata orkestrata minnu stess fi żmien Alfred Sant, kontra s-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Ir-risposta għal dan: evoluzzjoni fil-ħsieb. Ovvjament wieħed idur lejn dawk kollha li ħadu deċiżjoni skont kif se jivvutaw abbażi ta’ dak li fissrilhom Muscat innifsu u jistaqsihom jekk iħossuhomx ittraduti b’dan kollu. Għandi dubju jekk issa jaqblux miegħu wkoll!
Dan ir-raġunament huwa biss episodju minn sensiela ta’ kontradizzjonijiet jew ‘u-turns’ minn Joseph Muscat.
Muscat bidel fehmtu – għal soċjetà aktar inklussiva li tqis il-Konvenzjoni tad-Drittijiet fundamentali tal-Ġnus Magħquda – fil-konfornt tal-unjoni ċivili mhux għax verament jemmen fil-qawsalla tas-soċjetà imma għax lemaħ l-eluf ta’ voti.
Muscat bidel fehmtu dwar il-pożizzjoni ta’ Malta fil-konfront tal-Unjoni Ewropea issa għax qiegħed jaqta’ frott l-UE bħala Kap tal-kabinett.
Muscat bidel fehmtu u ma rriżenjax – skont kif wiegħed darbtejn quddiem Malta kollha – għax ma laħaqx bena l-‘Power Station’ skont kif kien ippjanat.
Muscat bidel fehmtu u laqa’ t-talba tal-Oppożizzjoni u neħħa lil Manuel Mallia mill-kariga ta’ Ministru – erħilha li wara reġa’ ngaġġah – wara l-każ tal-isparatura.
Muscat bidel fehmtu u laqa’ t-talba tal-Oppożizzjoni – anke jekk ġimgħat tard – u neħħa lil Michael Falzon minn Segretarju Parlamentari minħabba l-każ ta’ Strada Zekka.
Muscat iżda, ma jkunx konsistenti u jevolvi fil-ħsieb fil-każ tal-Panamagate! Minkejja li l-għajta popolari tal-pajjiż qed titlob għar-riżenja ta’ Keith Schembri minn Kap tal-Uffiċċju f’Kastilja u Konrad Mizzi minn Ministru bla portafoll, Joseph Muscat jibqa’ ma jkollu ebda evoluzzjoni fil-ħsieb għax din kienet Malta li jrid jgħix fiha: Malta li fiha l-miżien ixaqleb għal kollox lejn il-ftit (ħafna) u mhux lejn il-maġġoranza.
Ma għandix dubju li meta jara x-xaqliba elettorali taqleb sewwa lejn in-naħa l-oħra u jinduna li bi Schembri u b’Mizzi jaf jitlef l-elezzjoni, jevolvi fi ħsiebu u jammetti li żbalja, l-aqwa li jirbaħ is-simpatija u l-popolarità.
Wegħedna terremot, u tahulna. Ħasra li ftit intebħu li kien ironiku fi kliemu. U min jaf għal kull wegħda oħra. Inħalli f’idejk!
Justin Schembri huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali.
Verżjoni ta’ din l-opinjoni qed tidher fil-ġurnal ‘In-Nazzjon’ tal-Erbgħa l-1 ta’ Ġunju 2016