Saħħa

Mhux aċċettabbli li pazjenti ma jinqdewx għax ħaddieħor ikun kellem lill-Ministru – il-PN

L-aġir diskriminatorju li qed isir fis-servizz tas-Saħħa, u li għamlet referenza għalih l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), hu inaċċettabli u għandu jitwaqqaf minnufih. Dak li t-Tobba qed jgħidu li qed jiġri fl-Isptar Mater Dei u fiċ-Ċentri tas-Saħħa hu aġir diskriminatorju, li qed ikun il-kaġun għaliex ħafna nies m’humiex jinqdew fil-ħin u jkollhom jistennew xhur sħaħ biex jingħataw is-servizz li għandhom id-dritt għalih.

Dan qalitu f’konferenza tal-aħbarijiet ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg, li qalet li kuntrarjament għall-impressjoni li jipprova jagħti l-Gvern, is-sitwazzjoni fis-settur tas-Saħħa mhix ward u żahar. Sostniet li minflok imedd idu għax-xogħol biex jindirizza l-isfidi li hemm, il-Gvern moħħu biss biex jipprova jgħatti l-problemi kbar li hemm u jipprova jagħti l-impressjoni li kollox miexi fuq ir-rubini meta dan mhux minnu.

Claudette Buttigieg irreferiet għall-aħħar stqarrija tal-MAM, tas-Sibt li għadda, li s’issa għadha ma ġietx miċħuda u li ma kien hemm l-ebda reazzjoni għaliha. Sostniet li dan l-aġir qed jieħu l-pajjiż lura fis-snin, fejn xi pazjenti magħżulin isiru jafu meta huma l-appuntamenti tagħhom mhux mill-professjonisti, iżda minn Kastilja.

Ix-Shadow Minister għas-Saħħa qalet li bosta persuni huma rrabjati li qed jispiċċaw vittmi ta’ din id-diskriminazzjoni mill-Gvern ta’ Joseph Muscat. Staqsiet jekk infetħitx investigazzjoni dwar dak żvelat mill-MAM u jekk l-awtoritajiet talbux tweġibiet immedjati dwar din id-diskriminazzjoni.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Michael Asciak, li sostna li l-Gvern qed iġib suf ix-xogħol tant tajjeb tal-professjonisti fil-qasam tas-Saħħa. Fakkar li ftit tal-ġimgħat ilu, il-MAM diġà tkellmet dwar il-fatt li l-‘waiting lists’ fl-Isptar Mater Dei mhux talli ma naqsux, iżda talli żdiedu.

Michael Asciak sostna li dan hu eżempju ta’ kemm il-Gvern, minflok jindirizza l-isfidi li għandu fis-settur tas-Saħħa, qed jaħbi l-problemi u jipprova jevita li jitkellem dwarhom. Temm jgħid li l-pazjenti m’għandhom qatt jispiċċaw vittma tad-deċiżjonijiet tal-Gvern.