Għawdex Lokali Saħħa

Muscat ma jiċħadx li seta’ kien hemm laqgħat bejn Konrad Mizzi u Direttur tal-Vitalis

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma ċaħadx li seta’ kien hemm xi laqgħa jew laqgħat bejn il-Ministru Konrad Mizzi u wieħed mid-Diretturi tal-Kumpanija Vitalis, Sri Ram Tumuluri, qabel ingħata t-tender biex il-kumpanija tkun tista’ tattwa l-proġett fuq il-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Isptarijiet San Luqa u Karin Grech.

Muscat qal li l-kwistjoni m’għandhiex tkun jekk il-Ministru ltaqax mad-Direttur ta’ Vitalis qabel jew wara li ħareġ it-tender. Madankollu, m’eskludix li saru laqgħat qabel inħareg it-tender. Qal li hu ma jkollux id-djarju tal-appuntamenti ta’ Konrad Mizzi u għalhekk ma jistax jgħid jekk Mizzi ltaqax mad-Direttur ta’ Vitalis.

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat iffirma ftehim ma’ Vitalis Global Healthcare għall-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u tal-Isptar San Luqa. Meta sar dan il-ftehim, il-Ministru responsabbli għas-Saħħa kien Konrad Mizzi.