Internazzjonali

Se tkompli bil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Ażerbajġan

Il-ġurnalista investigativa Khadija Ismayilova qalet li mhux fi ħsiebha żżomm lura milli tirrapporta każi ta’ korruzzjoni f’pajjiżha l-Ażerbajġan fejn qalet li l-korruzzjoni hi mifruxa sew fl-ogħla livelli ta’ tmexxija fil-pajjiż.
Ismayilova nħelset mill-ħabs wara 18-il xahar bla ma kien mistenni. Hi kienet arrestata f’Diċembru tal-2014 u f’Settembru tas-sena li għaddiet kundannata għal seba’ snin ħabs f’sentenza li tqieset tpatija talli kixfet korruzzjoni kbira mill-familja tal-President Ilham Aliyev.
Ismayilova qalet li temmen li nħelset għaliex l-arrest tagħha ma serviex bħala deterent għal ġurnalisti oħra milli jikxfu l-korruzzjoni fl-Ażerbajġan. Kienet saret ukoll ħafna pressjoni internazzjonali biex hi tinħeles. Ismayilova titqies bħala l-aktar ġurnalista magħrufa fil-pajjiż.
Imma skont il-Freedom House, li tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, fl- Ażerbajġan hemm madwar 80 priġunieri politiku filwaqt li fil-ħabs hemm ukoll ħames ġurnalisti oħra minħabba akkużi varji. Il-Gvern iżda jiċħad li fil-pajjż hemm priġunieri politiċi.