Internazzjonali

Twissija formali lill-Polonja

Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Unjoni Ewropea nħarġet twissija formali lil pajjiż membru tal-UE. Twissija li ħarġet lill-Polonja wara investigazzjoni dwar bidliet li għamel il-Gvern ġdid Polakk fil-Qorti Kostituzzjonali skont il-proċedura magħrufa bħala “r-rule of law”.
Bidliet li l-Kummissjoni sabet mhux biss ixeklu l-ġustizzja fil-pajjiż imma anki d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-Polonja.
L-investigazzjonijiet kienu bdew f’Jannar u jekk ma tinstabx soluzzjoni, dan jista’ jwassal biex jitneħħa d-dritt tal-vot għall-Polonja fi ħdan il-laqgħat tal-UE. Xi ħaġa iżda li sorsi qalu li l-Kummissjoni tixtieq tevita.
Frans Timmermans, il-Viċi President tal-Kummissjoni, qal li jittama li dan il-pass isservi ta’ xprun għall-Gvern Polakk biex jirranġa l-affarijiet u li kien tkellem mal-Prim Ministru Polakk Beata Szydło t-Tlieta filgħaxija u qal li hi riedet li d-djalogu jkompli.