BLOGS

Żewġ rigi u żewġ piżijiet

Jien ġej minn familja ta’ 11-il wild. Ommi u missieri kienu jħobbuna lkoll kemm aħna, bl-istess mod u bl-istess intensità. Qatt ma ppreferew lil xi ħadd minnha fuq l-oħrajn. Qatt ma ddiskriminaw bejnietna. Ħabbewna kollha b’imħabba tal-ġenn. Imma kienu jużaw l-istess kejl. Min ħaqqu ċanfira jeħodha u min ħaqqu tgħannieqa jeħodha wkoll. Hekk sewwa u xieraq. U għax dejjem konna trattati l-istess, sal-lum, aħna l-aħwa għadna familja magħquda. Kif għandu jkun.

Fil-ħajja privata tiegħu, Joseph Muscat għandu żewġt ulied. Ma għandi ebda dubju li jħobbhom it-tnejn li huma bl-istess mod u juża magħhom l-istess kejl. Lest jagħmel kollox għalihom. Kif għandu jkun.

Iżda Joseph Muscat hu wkoll il-Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż. U l-mod ġust li jimxi bih ma’ wliedu għandu jimxi bih maċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż. Iżda mhux hekk qed jagħmel. Magħna l-Maltin u l-Għawdin jimxi b’mod differenti. Juża’ piżijiet u rigi differenti. Skont min int. U dan hu żbaljat u kundannabbli.

Nagħti ftit eżempji.

Ftit aktar minn tliet snin ilu, Maġistrat fil-qrati tagħna tat sentenza f’kawża li kellha konnotazzjonijiet politiċi. Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, li kien Anġlu Farrugia, għadda rimarki fis-sens li l-Maġistrat iddeċidiet b’dak il-mod għax kienet motivata politikament. Kumment li mhux biss kien inġust imma kien ukoll irresponsabbli u li ġibed fuqu l-kundanna ta’ kulħadd. Joseph Muscat bagħat għalih u ġiegħlu jirriżenja mill-kariga li kellu. Deċiżjoni tajba.

Nhar il-Ħamis li għadda, Imħallef tat deċiżjoni f’kawża li wkoll għandha konnotazzjonijiet politiċi u ddeċidiet li l-Partit Nazzjonalista wara żbalji li saru waqt l-għadd tal-voti fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali, għandu jingħata żewġ siġġijiet oħra fil-Parlament. Din id-darba kien Glenn Bedingfield, uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li għadda rimarki kontra l-Imħallef li tat dik id-deċiżjoni u qal ukoll li din id-deċiżjoni kienet motivata politikament. Joseph Muscat ma keċċihx. Anzi xi ħadd mill-Uffiċċju tiegħu – u allura f’ismu – filwaqt li ammetta li l-kumment ma kienx wieħed floku, żied jgħid li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni.

Mela dan hu każ fejn għal żewġ nuqqasijiet simili l-Prim Ministru uża riga ma’ Anġlu Farrugia, u riga differenti ma’ Glenn Bedingield.

Mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura ‘l hawn kien hemm Ministru u Segretarju Parlamentari, li wieħed minnhom, Manwel Mallia tkeċċa minn Ministru minn Joseph Muscat wara l-każ fejn sewwieq tiegħu spara fuq persuna li laqatlu l-karozza, u l-ieħor is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Michael Falzon, tneħħa għax kien implikat fl-iskandlu ta’ Strada Zekka. Ma’ dawn it-tnejn intużat l-istess riga.

Iżda mhux hekk mal-Ministru Konrad Mizzi. Dan fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama u hu stess ammetta dan. Kemm il-Prim Ministru kif ukoll Konrad Mizzi ammettew li dan kien żball li qatt ma messu sar. Iżda meta ġie biex jiddeċiedi dwar dan il-każ, il-Prim Ministru sab riga u uża kejl differenti minn dak li uża ma’ Manwel Mallia u Michael Falzon. Għaliex?

Impjegat fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni kien sospiż mix-xogħol tiegħu wara li sar magħruf li s-sieħba tiegħu kellha kumpanija fil-Panama, avolja din infetħet qabel bdiet ir-relazzjoni ta’ bejniethom. Keith Schembri, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, bħall-Ministru Konrad Mizzi wkoll inqabad li fetaħ kumpanija fil-Panama u din id-darba wara li ħa l-kariga tiegħu. Avolja kellu oħrajn miftuħa qabel. Iżda ma’ Keith Schembri il-Prim Ministru ma mexiex bl-istess riga u l-istess kejl li intuża mal-impjegat fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni. Keith Schembri ma kienx sospiż. Għadu f’Kastilja. Għaliex?

Imbagħad il-Prim Ministru joqmos meta jkun akkużat li jimxi b’żewġ rigi u b’żewġ piżijiet. Jieħu għalih meta jkun hawn min jgħid li hawn liġi għall-allat ta’ Kastilja u liġi għall-bqija taċ-ċittadini.