Edukazzjoni Lokali Parlament

It-12-il edizzjoni ta’ EkoSkola Parlament: Studenti jiddibattu fil-Parlament dwar l-importanza tal-Ambjent

Fil-Parlament saret it-12-il edizzjoni tal-EkoSkola Parlament, li nbdiet fl-2002, b’inizjattiva tal-Gvern Nazzjonalista biex it-tfal jingħataw spazju fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż ħalli jsemmgħu leħinhom dwar dak li qed jinkwiethom fis-settur ambjentali.

Fil-bidu tas-seduta, l-istudenti Angelica Galea u Amber Buttigieg ippreżentaw Mozzjoni b’numru ta’ proposti għal titjib fl-Ambjent. Huma appellaw lill-Membri Parlamentari biex, mhux biss jisimgħu lill-istudenti, iżda fuq kollox jagħtu każ dak li jkun qed jingħad.

Fost oħrajn, l-istudenti rrikonoxxew li l-binja attwali tal-Parlament inbniet b’tali mod li ngħatat attenzjoni partikolari favur l-Ambjent.

Fl-intervent tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fakkar kif ħidmiet differenti li saru fis-snin li għaddew wasslu biex illum qed ingawdu ambjent aħjar. Fost oħrajn, semma kif illum qed ingawdu mill-aktar baħar nadif fil-Mediterran, bil-Prim Ministru Joseph Muscat ukoll jirrikonoxxi dan l-impenn li sar biex illum id-drenaġġ ma jibqax jintefa’ fil-baħar.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni faħħar l-impenn tal-istudenti favur l-Ambjent, li hu tista’ tgħid kull ħaġa li wieħed jiltaqa’ magħha maul il-jum. Kemm Simon Busuttil, kif ukoll il-Prim Ministru Muscat wieġbu numru ta’ mistoqsijiet diretti li l-istudenti għamlu lill-Parlamentari.

U filwaqt li l-Prim Ministru nnota kif bl-attitudni tagħhom, l-istudenti Maltin u Għawdxin kapaċi jkunu katalisti għall-bidla favur l-Ambjent, il-Kap tal-Oppożizzjoni rrimarka li l-messaġġi u l-opinjonijiiet tal-istudenti mhux jaqgħu f’widnejn torox tant li jkunu diskussi kif inhu xieraq fil-Kamra tar-Rappreżentanti.

Matul is-seduta tkellmu numru ta’ Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, fosthom id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino, li esprima s-sodisfazzjon tiegħu li fl-2002 kien parti minn dawk li welldu l-proġett EkoSkola.

Qal li grazzi għal dan il-proġett, l-istudenti huma kapaċi jagħrfu li huma parti minn komunità sħiħa li trid tieħu ħsieb l-ambjent ta’ madwarna.

Min-naħa tiegħu, Robert Cutajar qal li l-politiċi tal-lum għandhom responsabbiltà biex jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa, għall-futur ta’ dawn l-istudenti, li huma l-irġiel u n-nisa ta’ għada.

Hu fakkar kif fix-xhur li għaddew, il-Parlament approva Mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni biex tkun miġġielda l-obeżità, fejn sar l-appell biex ngħixu ħajja sana, anke grazzi ta’ Ambjent isbaħ.

Tkellmet ukoll ix-Shadow Minister Marthese Portelli, li qalet li sessjoni parlamentari bħal din iġġiegħelha tirrealizza li kwalunkwe proposta li l-politiċi joħorġu biha għandha tkun madwar l-importanza tal-Ambjent.

Hi għamlet referenza għall-35 proposta li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta għad-diskussjoni fil-ġimgħat li għaddew. Qalet li fid-Dokument ittieħdu numru ta’ ideat minn dawk li ressqu l-istudenti stess fis-sessjoni ta’ EkoSkola Parlament tas-sena li għaddiet. Barra minhekk, proposti oħrajn issemmew ukoll fis-sessjoni ta’ din is-sena.

Il-Mozzjoni diskussa għaddiet unanimament mill-membri preżenti.