Fit-12 ta’ Lulju se tkun qed tittieħed deċiżjoni fil-Qorti dwar ir-rikorsi li ressaq il-PN kontra l-persuni barranin li ingħataw id-dritt tal-vot bi ksur tal-Kostituzzjoni. Dawn huma persuni minn fost dawk li xtraw iċ-ċittadinanza bil-programm li ħoloq il-Gvern.
Jirriżulta li l-Kumissjoni Elettorali mhix toġġezzjona fuq 39 mir-rikorsi li ressaq il-Partit Nazzjonalista. B’kollox quddiem il-Qorti tressqu 91 każ.
Issa, il-Kummissjoni Elettorali trid il-poter biex tkun hi li tneħħi l-ismijiet mir-Reġistru u mhux tħalli l-Qorti tiddeċiedi. Il-PN iżda qed jgħid illi jekk tkun il-Kummissjoni li tneħħi l-ismijiet li iddaħħlu illegalment, dan ikun qed joħloq preċedent.
F’kummenti lil dan is-sit, l-avukat Paul Borg Olivier spjega illi għandha tkun il-Qorti li tirrevedi ir-Reġistru Elettorali għax inkella jintilef kull sens ta’ kontroll.
L-Oppożizzjoni qed tinsisti illi dan l-iskandlu seħħ fl-Uffiċċju Elettorali li jaqa’ fid-dekasteru tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Għalhekk, il-Prim Ministru ma jistax jibqa’ sieket quddiem dan il-każ ċar ta’ ksur tal-Kostituzzjoni.
Il-persuni li iddaħħlu fir-Reġistru Elettorali illegalment jinkludu nies Ċiniżi, Russi, Sirjani, Pakistani u mill-Ażerbajġan.
Ritratt: Arkivji
//= $special ?>