F’Kampanja ġbir ta’ fondi ta’ 5 siegħat il-Partit Nazzjonalista l-Ħamis filgħaxija ġabar aktar minn €171,609 permezz tat-telefonati tal-Maltin u l-Għawdxin. Il-Kampanja ġbir ta’ fondi, li kienet preżentata minn Norman Vella u Fabian Demicoli kellha t-tema “Negħlbu t-theddida għad-demokrazija.”
Il-kampanja ġbir ta’ fondi, li tħabbret tliet ijiem ilu biss, bdiet fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija u baqgħet għaddejja sal-ħdax u nofs ta’ filgħaxija minħabba li t-telefonati komplew deħlin.
Waqt din il-kampanja ġbir ta’ fondi f’messaġġ li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, qal li dan hu l-mument li bħalissa hemm bżonn l-appoġġ tal-pubbliku. Simon Busuttil semma in-numru ta’ każi li wrew biċ-ċar li bħalissa f’pajjiżna hawn theddida għad-demokrazija.
Simon Busuttil semma l-każ taż-żewġ siġġijiet li l-Partit Nazzjonalista ħaqqu bi dritt. Qal li l-Partit Laburista qed itawwal il-proċess biex il-Partit Nazzjonalista ma jieħux dak li ħaqqu.
Semma wkoll it-theddid ta’ Keith Schembri, iċ-Chief of Staff fuq il-media b’mod partikolari fuq It-Times. Simon Busuttil għalhekk appella biex il-poplu jkompli jkun ta’ appoġġ għall-Partit Nazzjonalista biex ikun jista’ jkompli jaħdem b’risq il-poplu Malti.
Il-kampanja ġbir ta’ fondi rat ukoll il-parteċipazzjoni tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, fosthom il-Viċi Kapijiet, Beppe Fenech Adami u Mario de Marco kif ukoll is-Segretarju Ġenerali Rosette Thake.