Internazzjonali Mużika

Il-kantant Prince ‘miet minn overdose’

Il-kantant popolari Amerikan, Prince, kellu jmut minn overdose ta’ mediċina li ttaffi l-uġigħ u li taqa’ taħt il-kategorija ta’ opioid.

Dan qalu uffiċjal għall-infurzar tal-liġi fl-Istati Uniti li hu qrib l-investigazzjoni dwar il-mewt tal-kantant magħruf, fost oħrajn, għal kanzunetti bħal Purple Rain, When Doves Cry u Pretty Red Corvette.

L-uffiċjal qal li ċ-ċirkustanzi ta’ overdose kienu stabbiliti minn testijiet li saru wara li miet il-kantant fil-21 ta’ April.

Il-katavru ta’ Prince, li kellu 57 sena, kien instab fil-proprjetà tiegħu f’Minneapolis. Intant, id-detektivs anki interrogaw tabib li kien għamel il-viżti lil Prince fil-ġimgħat qabel mewtu.