Il-Gvern qed jitlob lill-Parlament jagħmel legali dak li ilu illegali tliet snin. Il-Parlament qed jintalab japprova liġi li biha l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) jitpoġġa taħt il-Ministeru għat-Turiżmu u mhux aktar taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Dan qed isir meta l-Prim Ministru ilu tliet snin li ddeċieda li jpoġġi din l-istituzzjoni edukattiva taħt il-Ministeru għat-Turiżmu iżda ħalla l-liġi hekk għal tliet snin.
Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino qal fil-Parlment fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni, li l-Abbozz li ressaq il-Gvern sar biss biex il-Gvern jirregola xi ħaġa li diġà biddel tliet snin ilu. Dan ifisser li l-Parlament qed jintalab biss jagħmel timbru fuq dak li diġà ddeċieda l-Gvern.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni Bikrija u Obbligatorja qal li din hi liġi li tiddisprezza lill-Parlament. Jingħad x’jingħad fil-Parlament, m’hu se jiswa għal xejn għaliex il-Prim Ministru diġà ddeċieda u wettaq il-bidla minkejja dak li għadha tgħid il-liġi sal-lum.
Fid-dibattitu, id-Deputat Nazzjonalista qal li ma semax raġuni waħda dwar x’benefiċċju se jkun hemm bl-Istitut tal-Istudji Turistiċi li jgħaddi taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru tat-Turiżmu.
Hu żball li l-istituzzjonijiet edukattivi ma jibqgħux taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni
George Pullicino qal li hu żball li l-istituzzjonijiet edukattivi ma jibqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Edukazzjoni. Il-PN tgħallem mill-esperjenza. Jagħmel sens li l-istituzzjonijiet kollha edukattivi jkunu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Edukazzjoni.
George Pullicino staqsa għaliex inbidlet id-deċiżjoni li l-Isitut għall-Istudji Turistiċi jmur Smart City minflok f’art pubblika diġà identifikata f’Pembroke?
Dwar dan it-tibdil ma saret l-ebda konsultazzjoni. Persuni midħla f’din l-industrija sostnew bir-raġun li isitituzzjoni bħal din jagħmel aktar sens li tkun viċin fejn hemm konċentrazzjoni ta’ stabbilimenti fis-settur.
George Pullicino staqsa għaliex se jkun hemm nefqa ta’ €50 miljun li hu kważi daqs kemm sewa l-kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid. Hu sostna li l-Gvern għandu jiġġustifika dik in-nefqa.
Ilmenti mil-lecturers u għalliema
Id-Deputat Nazzjonalista qal li f’dawn l-aħħar snin kien hemm ħafna ilmenti mil-lecturers u għalliema dwar il-fatt li l-ITS għadda taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tat-Turiżmu.
George Pullicino qal li l-quality audit li sar enfasizza l-fatt tal-ilmenti rigward in-nuqqasijiet li kien hemm fl-ITS. Dan ir-rapport jgħid li minn 11-il materja li rrapporta dwaru, l-ITS falla f’għaxra.
//= $special ?>