Il-Parlament tal-Ġermanja approva riżoluzzjoni li tiddikjara li l-qtil tal-massa tal-Armeni mit-Torok Ottomani waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija kien ‘ġenoċidju’.
It-Turkija, sadanittant, qed toġġezzjona bil-qawwi għar-riżoluzzjoni tal-Bundestag (it-Tieni Kamra tal-Parlament) u wissiet li din tista’ tolqot ħażin lir-relazzjonijiet ma’ Berlin.
L-Armeni jgħidu li sa 1.5 miljuni minn nieshom kienu mietu fl-atroċitajiet tal-1915. It-Turkija, iżda, tinsisti li dan in-numru hu ferm aktar baxx u tiċħad it-terminu ‘ġenoċidju’.
Iż-żmien tat-tensjoni bejn Berlin u Ankara hu partikularment skomdu peress li l-Unjoni Ewropea teħtieġ lit-Turkija biex tkun tista’ trażżan l-influss kontinwu ta’ immigranti.
‘Il fuq minn 20 pajjiż, fosthom Franza u r-Russja, flimkien mal-Papa Franġisku, irrikonoxxew il-qtil tal-Armeni tal-1915 bħala ġenoċidju.
Qabel il-vot, numru ta’ deputati parlamentari Ġermaniżi kienu spiċċaw taħt pressjoni mit-Torok, fejn kienu suġġetti wkoll għal e-mails abbużivi u ta’ theddid.
Jirrikonoxxu l-ġenoċidju tal-Armeni fost ir-rabja tat-Turkija
