Il-banek fil-Lvant tal-Libja bdew jużaw karti tal-flus prodotti fir-Russja, bħala pass li qed jitqies bħala ‘ferm preokkupanti’ għall-għaqda fost il-Libjani.
Intant, kien irrappurtat li l-karti tal-flus li jiswew total ta’ 200 miljun dinar twasslu b’titjira minn Moska, nhar it-Tlieta, lejn l-ajruport ta’ Labraq.
Il-Bank Ċentrali ta’ Beida qed jieħu ħsieb id-distribuzzjoni tal-flus kontanti u qed jaħseb ukoll biex jiċċirkola dawn il-karti ta’ flus fil-Punent tal-Libja sa tmiem il-ġimgħa. Dan meta l-banek għandhom jestendu s-sigħat tal-ftuħ biex jilqgħu d-domanda.
Id-diplomatiċi jinkwetaw li n-noti bankarji separati bid-disinn, il-watermarks u n-numri serjali tagħhom għandhom joħolqu kaos ekonomiku.
Minbarra dan, id-diplomatiċi jaħsbu li ċ-ċirkulazzjoni tal-karti tal-flus prodotti fir-Russja se tkompli tiżra d-diżgwid u l-firda fil-Libja, meta l-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali – li għandu l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti – qed jipprova jkattar sens ta’ unjoni fost il-Libjani, fi żmien tassew diffiċli.
Konfużjoni dwar flus ġodda fil-Libja
