Lokali Parlament

Mhux pożittiv li jkun hemm akkademja waħda għall-entitajiet kollha tal-korpi dixxiplinati

Mhux pożittiv li titneħħa l-Akkademja tal-Pulizija u minflokha ssir entità waħda għal kulħadd. Il-Forzi Armati ta’ Malta, il-Pulizija, id-Dipartiment tal-Portezzjoni Ċivili u l-uffiċjlai tal-Ħabs huma entitjaiet differenti u għandhom jinżammu awtonomin minn xulxin.

Beppe Fenech Adami, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Intern, Beppe Fenech Adami sostna dan fid-dibattitu fil-Parlament dwar Abbozz ta’ Liġi li ppreżenta l-Gvern u li wara li jiġi approvat, il-pajjiż mhux se jkollu Akkademja tal-Pulizija.
Dak li twaqqaf fl-1998 mill-eks-President ta’ Malta Guido de Marco, dak iż-żmien bħala Ministru, mhux se jibqa’ jeżisti. Il-Gvern qed jipproponi li l-pajjiż ikollu akkademja waħda li tpoġġi fl-istess livell l-erba’ korpi dixxiplinati. Il-kunċett li tgħaqqad l-erba’ korpi dixxiplinati f’akkademja waħda hu kunċett li fih qed tiġi ivvintata r-rota.

Beppe Fenech Adami saħaq li jkun żball li biex nilħqu l-għan tajjeb li nużaw ir-riżorsi bl-aħjar mod, nekwiparaw affarijiet li m’humiex ekwiparati flimkien għaliex il-FAM u l-Pulizija mhumiex l-istess minkejja li x-xogħol tal-Pulizija hu kważi identiku għal dak tal-FAM.
Hu kompla li kull entita għandha distinzjoni minn oħra u qal li l-kopri dixxiplinati għamlu progress kbir fit-taħirġ iżda l-awtonomija tagħhom hi kruċjali. Il-pajjiż għandu jevita li joħloq akkademja b’ħafna irjus, iżda mhux li ma jkunx hemm identità partikolari tal-korp li qed tirrappreżenta.

Il-Gvern għandu jispjega jekk u ma’ min iddiskuta dwar din id-deċiżjoni
Ikkritika li din kienet deċiżjoni radikali li ma kinitx fil-programm elettorali minkejja li fiha bdil ta’ prinċipju. Il-Gvern għandu jispjega jekk u ma’ min iddiskuta dwar din id-deċiżjoni wara li l-pajjiż għadda minn żmien fejn saħħaħ l-awtonomija u d-distinzjoni bejn id-diversi enitajiet.

Beppe Fenech Adami tkellem dwar ir-rwol tal-FAM quddiem l-immigrazzjoni irregolari u qal li l-FAM qed jagħtu kontribut kbir quddiem din l-isfida. Semma l-eluf ta’ immigranti, fosthom l-elf f’ġimgħa waħda li mietu ftit ilu,u lil dawk li jmutu fil-Mediterran. Saħaq li l-pajjiż għandu bżonn jibqa’ jinvesti fil-FAM.

Dwar l-uffiċjali tal-ħabs, Beppe Fenech Adami qal li fl-aħħar snin inbidel totalment il-kunċett ta’ dawn l-uffiċjali. Fl-aħħar snin dawn l-uffiċjali sar għandhom rwol fir-riabilitazzjoni tal-priġunieri.

B’akkademja waħda tista’ tintifel ħafna mill-awtonomija li għandhom il-forzi dixxiplinati
Jekk ikun hemm akkademja waħda, jista’ jkun li tintifel ħafna mill-awtonomija li għandhom dawn il-forzi, sostna Beppe Fenech Adami, li rrimarka wkoll li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili llum hu separat mill-korp tal-Pulizija u li jiffunzjoni b’awtonomija totali.

Talab lill-Gvern jassigura li d-diskussjoni mal-entitajiet involuti fil-fatt saret. Dan għaliex jirriżulta li l-Malta Police Association kellha pożizzjoni li l-Akkademija tal-Pulizija għandha tkun iktar awtonoma mill-Korp tal-Pulizija, aħseb u ara mill-entitajiet l-oħra.

“Din hi liġi li għandha wisq burokrazija u li tista’ xxekkel il-funzjoni tal-Akkademija għaliex fiha wisq kumitati li se jkunu qed jiġu ffurmati”, saħaq Beppe Fenech Adami li kompla jispjega li din hi wkoll liġi li qed tagħti ħafna poter lill-Ministru fil-Bord tal-Akkademja li se jkollu wkoll il-poter li jneħħi persuni mill-Bord fuq id-deċiżjoni li persuna ma tkunx tajba iktar għall-Bord.

4,500 membru fil-korpi dixxiplinati
Fl-introdouzzjoni tad-dibattitu dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi, il-Ministru Carmelo Abela tkellem dwar l-importanza tat-taħriġ lill-membri fil-korpi ta’ dixxiplina bl-iskop li jkun hemm bidla fis-servizz li jingħata.

Spjega li l-viżjoni tal-Gvern hi li jkun hemm bidla fil-mentalità waqt li jsir iktar investiment lit-taħriġ flimkien ma’ iktar attenzjoni. Jeħtieġ ukoll li l-membri tal-korpi dixxiplinati jikkunsidraw dan ix-xogħol bħala karriera. Għalhekk l-4,500 membru tal-korpi dixxiplinati se jkunu pprovduti b’korsijiet adegwati.

Il-Ministru Abela qal li l-Gvern qed jiżviluppa l-idea li jiżviluppa iktar l-Akkademja tal-Pulizija u għalhekk se titwaqqaf akkademja għall-forzi dixxiplinati kollha. Il-gvern għandu jagħti direzzjoni dwar fejn għandu jasal it-taħriġ biex dan ikun iktar speċjalizzat.

Il-Ministru Abela qal li l-forzi dixxiplinati għandhom jaqsmu l-esperjenzi u r-riżorsi tagħhom u għandhom joħolqu sħubija ma’ akkademji minn barra l-pajjiż. Il-pjan hu li l-Akkademja tkun akkreditata mill-aġenzija nazzjonali ta’ akkreditazzjoni. Diversi korsijiet għandhom isiru flimkien biex anki tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn li-korpi. S’issa l-korpi dixxiplinati kienu qed jaħdmu separatment.