Wara ħamest ijiem ta’ silenzju, mis-Sibt li għadda meta l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) żvelat li hemm indħil dirett mill-Ministeri fil-ħidma tal-professjonisti fis-settur tas-Saħħa, illum il-Ministru tas-Saħħa ħareġ jattakka lil min qed jikxef din id-diskriminazzjoni.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija f’isem ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg, li fiha ngħad li l-anqas ħaġa li messu għamel il-Ministru tas-Saħħa hu li fetaħ investigazzjoni biex jiġi stabbilit kif qed issir din it-tip ta’ diskriminazzjoni.
Minflok jinfexx jattakka lill-professjonisti u lill-Oppożizzjoni, il-Ministru tas-Saħħa messu jdur ftit fost sħabu fil-Kabinett u f’Kastilja biex ikun jaf eżatt x’tip ta’ indħil qed isibu ma’ wiċċhom it-tobba u l-infermiera minn individwi li mhumiex f’dan is-settur, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>