Justin Joe Mula, ta’ 36 sena residenti l-Ħamrun, inżamm arrestat wara li fil-Qorti wieġeb mhux ħati li pprova joqtol jew ipoġġi ħajjet Jesmond Schembri (ritratt) f’periklu ċar waqt argument li seħħ ilbieraħ fis-2.15pm f’kumpless residenzjali fi Triq Dun Frans Camilleri, il-Ħamrun.
Fil-Qorti, l-Avukat Arthur Azzopardi talab f’isem l-imputat biex jinħatar Espert Psikjatriku biex jeżamina lil Mula minħabba dawk li fisser bħala “episodji mhux sbieħ” li Schembri għaddih minnhom fl-aħħar seba’ snin.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat tal-vittma ma oġġezzjonax għal din it-talba, għalkemm argumenta li l-għajnuna psikjatrika seta’ mar ifittixha qabel.
Il-Qorti laqgħet it-talba tad-Difiża u ħatret lill-Psikjatra Joseph Spiteri biex jeżamina lill-imputat mill-aktar fis. Justin Joe Mula ma għamilx talba għall-ħelsien mill-arrest u baqa’ jinżamm arrestat.
Schembri, li għandu 42 sena, għadu rikoverat l-Isptar Mater Dei minħabba l-feriti gravi li sofra.
//= $special ?>