BLOGS

Immer Wieder Österreich

F’nofs il-mewġa politika li qamet fir-Renju Unit wara r-riżultat tar-referendum favur il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, kien hemm aħbar li ftit li xejn ingħatat attenzjoni. Fl-Awstrija l-elezzjoni Presidenzjali li kienet għadha kemm saret tħassret u issa se terġa’ ssir mill-ġdid aktar tard din is-sena.

Fl-elezzjoni li ġiet imħassra l-kandidat tal-partit tal-lemin-estrem Norbert Hofer ġie ferm qrib li jsir l-ewwel President tal-lemin-estrem ta’ pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea. Bl-elezzjoni issa se ssir mill-ġdid bil-possibbiltà li l-Awstrija tipproduċi l-ewwel kap ta’ stat tal-lemin estrem reġa’ huwa ħaj.

L-Awstrija mhuwiex l-unika pajjiż fejn l-lemin estrem għamel gwadann politiku qawwi, għalkemm forsi s’issa fl-Ewropa hu l-aktar wieħed li jinstab fil-qrib li jikseb il-kariga ta’ Kap ta’ l-Istat. Biżżejed wieħed jara l-aħħar elezzjoni fil-Polonja fejn l-ewwel azzjoni tal-partit elett fil-poter kien it-tnaqqir tal-libertà tax-xandir tal-istat f’termini editorjali u eżerċizzju dirett ta’ influwenza fuq l-għola qorti tal-istat mill-gvern ċentrali.

Riżultati ferm tajba
Wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll pajjiżi bħall-Olanda, id-Danimarka, il-Belġju u l-Italja fejn għalkemm il-lemin estrem qatt ma kien viċin li jikseb il-poter imma bla dubju ta’ xejn kellu riżultati ferm aktar tajba milli wieħed forsi jistenna f’pajjiż bi storja twila ta’ demokrazija u politika ta’ tolleranza.

Hemm mbagħad Marine Le Pen fi Franza li qiegħda theżżeż lill-partiti stabbiliti fi Franza u twassalhom biex ikollhom jaħdmu flimkien kontra qalbhom biex iżommu lilha u l-partit estremist tagħha’l bogħod mill-poter. Mbagħad naturalment ma jonqosx it-tħassib għar-riżultati tal-istħarriġ tal-opinjoni pubblika fil-Ġermanja li għall-ewwel darba sa minn tmiem it-tieni gwerra dinjija juru żieda fl-appoġġ għall-partiti tal-lemin estrem f’dan il-pajjiż li tradizzjonalment dejjem kien ferm beżgħan mill-politika tal-lemin estrem minħabba d-dell tal-passat.

Populiżmu
Naturalment bla dubju ta’ xejn iż-żieda tal-popolarità tal-lemin estrem taf il-fatt li politiċi tal-lemin estrem qegħdin imorru għal populiżmu sfrenat u bla limiti. Politika fejn jingħad biss dak li hu popolari anke jekk dan ikun skorett jew saħansitra impossibbli li jiġi mwettaq. Bla dubju ta’ xejn li l-lemin estrem qiegħed jibni l-popolarità tiegħu fuq il-preġudizzji, biżgħat popolari u saħansitra fuq l-aktar sentimenti innobbli li taf toffri l-umanità.

Hu vera wkoll però li l-lemin estrem qiegħed isib art fertili. L-mġiba skoretta ta’ ċertu politiċi fi ħdan il-partiti tradizzjonali, l-impressjoni li bħal donnu l-koruzzjoni hi the order of the day u li meta sseħħ kollox business as usual għajr għal xi mossa politika biex taparsi ġara xi ħaġa kollha qegħdin iwasslu biex il-poplu jitlef il-fiduċja fil-politika tal-partiti tradizzjonali u b’hekk idur għal soluzzjonijiet radikali ħafna.

Art fertili
Din hi art fertili li bl-applikazzjoni ta’ politika ta’ prinċipju, politika nadifa, politika onesta u politika fejn jirbaħ tassew is-sewwa, tista’ ma tingħatax għal gwadann politiku tal-lemin estrem. L-Ewropa jeħtieġ li tegħleb it-theddida serja tal-politika tal-lemin estrem. Thedida li trid tingħeleb billi nsaħħu l-prinċipji ta’ governanza tajba u politika onesta u ta’ prinċipju u mhux biss billi wieħed jipprova jbeżżgħa lin-nies mill-politiċi tal-lemin estrem.

Sa ċertu punt din il-biżgħa s’issa kienet kontro-produttiva u għenet lil dawk il-politiċi biex bnew lilhom nfushom bħala s-simboli tar-ribeljoni kontra l-istabbiliment.

Dak li qiegħed jiġri fl-Awstrija għandna nħarsu lejh mhux b’sens ta’ ppuntar tas-subgħajn kontra l-Awstrijaċi imma b’sens ta’ x’hemm bżonn isir fuq livell Ewropew minn kull wieħed u waħda minnha biex l-istorja ma tirrepettix ruħha.