Malta Properties Company p.l.c. (MPC) ħabbret proġetti ambizzjużi fl-ewwel Laqgħa Ġenerali Annwali tagħha bħala kumpanija fuq il-Borża ta’ Malta wara li s-sena li għaddiet kienet twaqqfet b’suċċess bħala kumpanija separata minn GO p.l.c.
Matul il-laqgħa, iċ-Chairman Deepak Padmanabhan, il-Kap Eżekuttiv Nikhil Patil; u l-Kap Finanzjarju Daniela Zammit; taw ħarsa lejn il-prestazzjoni ta’ MPC matul l-2015, meta l-kumpanija rreġistrat qligħ qabel it-taxxa ta’ €1.4 miljun. Dan l-ammont kien ibbażat fuq id-dħul mill-kiri ta’ proprjetà li ammonta għal kważi €3.2 miljun.
Padmanabhan qal li l-ewwel sett ta’ riżultati ta’ MPC jagħtu lill-kumpanija raġun biex tkun ottimista. Ir-riżultat pożittiv, flimkien ma’ kuntratti ta’ kirjiet għall-perjodu ta’ żmien fit-tul fuq proprjetajiet differenti kemm mal-kumpanija GO kif ukoll ma’ Vodafone, għandhom jirriżultaw fi dħul stabbli fil-futur.
12-il sit diġà stmati li jiswew aktar minn €54 miljun
Din l-istabbiltà għandha tqiegħed lill-kumpanija f’pożizzjoni tajba hekk kif qed tħares biex tikseb l-aqwa valur għall-portafoll kollu tal-proprjetà tagħha. Dan ikopri 12-il sit li huma diġà stmati li jiswew aktar minn €54 miljun.
Patil ippreżenta lill-azzjonisti b’deskrizzjoni dwar l-iżvilupp mill-ġdid tal-proġetti ambizzjużi għal tliet siti speċifiċi li huma fiż-Żejtun, il-Marsa u Birkirkara, fejn xogħol ta’ tħejjija jinsab fi stat avvanzat ħafna.
Fisser ukoll li matul l-2016, se jkun hemm żieda sinifikanti fl-attività hekk kif ix-xogħol jibda b’ritmu tajjeb f’dawn is-siti u li se jieħu xi żmien biex jitlesta, bl-ewwel żidiet sinifikanti fid-dħul minn dawn il-proprjetajiet jibdew fl-2019.
Daniela Zammit iffokat fuq il-prestazzjoni finanzjarja u l-qagħda ta’ MPC għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2015. Elenkat il-fatt li l-kuntratti tal-kiri magħmulin għall-perjodu ta’ żmien fit-tul li l-MPC għandha f’idejha, qed jipprovdu l-istabbiltà u l-fiduċja meħtieġa biex il-kumpanija tkompli bl-operat tagħha skont il-pjani u l-istrateġija.
Iċ-Chairman tal-MPC ikkonkluda li l-kumpanija tinsab fil-bidu tal-vjaġġ tagħha wara li ġew stabbiliti pedamenti sodi u l-kumpanija tassew qed iżżid ir-ritmu tal-attività tagħha bix-xogħol fuq numru ta’ proġetti li qed isiru.
Il-kumpanija issa tinsab iffokata fuq kif jitwasslu s-servizzi ta’ proprjetà premium lill-klijenti.