Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

Qbil għal Kumitat Ewropew ta’ Inkjesta dwar il-Panama Papers

Il-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew, li tiġbor fiha l-Kapijiet u l-Presidenti tal-gruppi politiċi ewropej, qablu fuq Mandat għall-Kumitat biex imexxi Inkjesta li tinvestiga l-Panama Papers. Dawn wara l-kxif ta’ informazzjoni dettaljata dwar kumpaniji offshore u l-benefiċċjarji tagħhom.

Fost l-ismijiet li ħarġu mid-dokumenti hemm il-Ministru Konrad Mizzi, kif ukoll iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Il-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti se titressaq għal vot quddiem il-Parlament Ewropew fit-8 ta’ Ġunju, waqt il-Plenarja fi Strasburgu.

Dan il-Kumitat ta’ Inkjesta se jkollu 65 membru, li se jinvestigaw ksur ta’ Liġi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tħaddim ħażin tal-Liġi minn dawk involuti. Fost oħrajn, se jindikaw kienx hemm ħasil ta’ flus jew evażjoni ta’ taxxa.

B’kollox, il-Kumitat se jkollu ċans 12-il xahar biex iħejji r-rapport dwar dawn id-dokumenti.