Ħafna nies hemm barra, qed iħossuhom urtati u nsultati b’dak li qed jiġri madwarhom. Ħafna qed iħossuhom użati mill-Partit Laburista li wiegħed mod, u qed jagħmel l-oppost. Jekk wieħed jinnota, il-kliem meritokrazija, Malta tagħna lkoll, trasparenza – dawn kollha ilhom ħafna ma jitlissnu minn Joseph Muscat u sħabu. Kienu biss qoxra attraenti għall-Partit li llum qiegħed fil-Gvern u qed juri verament xi jsarraf li huwa ferm ‘il bogħod minn dak li wiegħed.
Il-ħsara li qed issir minn dan l-aġir irresponsabbli minn naħa tal-Gvern, mhux biss qed titfa’ dell ikrah fuq pajjiżna iżda qed tbiegħed lin-nies mill-politika u l-politiċi.
Hemm barra r-rispett lejn il-politika u l-politiċi naqas u allura qed tkun iktar diffiċli biex politika onesta u politiċi t’integrità jwettqu dak li jixtiequ – iġifieri żvilupp għall-pajjiżna u riżultati li jgawdi minnhom kulħadd.
Politika onesta għal futur b’integrità
Il-Partit Nazzjonalista huwa l-Partit li qed jagħti tama lil dan il-pajjiż li jkollu futur b’integrità u futur li jixraq lil pajjiżna. Politika onesta huwa dak li jixtiequ n-nies, huwa dak li jixraq lin-nies.
B’kuntlarju ta’ dak li għandna llum, il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu li jkun immexxi minn nies t’integrità u nies li jaħdmu biex jaraw il-pajjiż jimxi l-quddiem u mhux jaġevolaw lilhom infushom biex filwaqt li huma jikbru, ċ-ċittadin jiċkien.
Kienet tajba l-frażi li uża Evarist Bartolo meta qal li hemm liġi għall-allat u liġi għall-annimali – u l-Partit Laburista, il-Partit ta’ Bartolo stess, qed jimxi ma’ din il-liġi. Għaliex jekk int tal-qalba, qed tgawdi mentri ċ-ċittadin komuni qed jiffaċċja sfidi fil-ħajja mingħajr ma l-Gvern qed jipprova jgħinu. Filwaqt li l-fqir ikompli jiftaqar, in-nies tal-qalba qed ikomplu jiffangaw.
Is-skiet ma tixtrihx
Din il-ġimgħa, kellna attentat ieħor biex il-Partit Nazzjonalista u l-midja tiegħu tissikket u ma tkomplix f’xogħolha bħala tarka tal-poplu u ċ-ċittadin onest. Filfatt, Keith Schembri li suppost m’għandu x’jaqsam xejn man-negozju minn meta ħa l-inkarigu tiegħu fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, għoġbu jhedded lill-midja tal-Partit Nazzjonalista b’kont pjuttost sinifikanti li ried jitħallas fi ftit jiem.
Mossa biex twaqqaf lill-midja tal-Partit Nazzjonalista milli tkompli tikxef is-sigrieti li għandhom Keith Schembri u sħabu. Kuntlarju ta’ dak li qed jipprova jagħti x’jifhem il-Partit Laburista, il-midja tal-Partit Nazzjonalista, mhux qed tattakka lil Keith Schembri, iżda sempliċement qed titfa’ dawl fuq dak li Schembri xtaq iżomm moħbi fid-dlam. Il-midja tal-Partit Nazzjonalista qed toħroġ fatti u tikxef azzjonijiet li għamel Schembri – dan mhux attakk, dan tama li xi darba dan il-qerq jinkixef u ssir ġustizzja ma’ kull ċittadin onest, li jaħdem, iħallas it-taxxa u jrid jgħix b’dak li jibqagħlu.
Is-saħħa f’politika onesta
Meta tkun onest, m’għandekx minn xiex tibża’. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed ikompli għaddej u ma jiqafx quddiem it-tfixkil u theddid li qed isirulu mill-Partit Laburista.
Il-Partit Nazzjonalista mhux biss jitkellem dwar politika onesta iżda qed jattwaha. Iżda l-Partit Nazzjonalista għandu l-bżonn ta’ kull min hu onest, kull min għandu għal qalbu lil pajjiżna u kull min irid li dawn l-abbużi u qerq tal-Gvern jieqfu u jieqfu darba għal dejjem.
Għalhekk illejla, waqt il-kampanja ġbir ta’ fondi, jeħtieġ li nkunu ġenerużi u ngħinu lill-Partit Nazzjonalista kif nistgħu sabiex nagħtu lill-Partit Nazzjonalista l-għodda li għandu bżonn fil-ġlieda, għalina, biex itina politika onesta u tmexxija xierqa għalina u għal pajjiżna.
//= $special ?>