Lokali

Wasal iż-żmien li l-Prim Ministru jieħu azzjoni b’risq il-Familji Maltin

Il-Prim Ministru Joseph Muscat issa wasallu ż-żmien li jibda jieħu azzjoni biex jindirizza problemi reali li għaddejjin minnhom il-Familji Maltin.

Qal dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa speċjali tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit, li ghaliha kienu mistiedna Uffiċjali tal-Caritas li għamlu preżentazzjoni tal-istudju “A minimum essiential budget for a decent living”.

Minn dan l-istudju ħareġ li min kien fil-faqar kompla jiftaqar, b’żieda fil-prezzijiet tal-ikel, b’mod partikolari fost familji bi dħul baxx. Dan l-istudju jorbot ukoll ma’ statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), li turi li l-faqar f’pajjiżna kompla jiżdied.

Simon Busuttil qal li minkejja li mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista kien proattiv u fost l-oħrajn wassal biex ġiet implimentata l-Liġi ta’ Ħajja Sana. Ippreżenta wkoll sensiela ta’ proposti fid-Dokument “Ekonomija għan-Nies” biex il-ġid li jinħoloq jitqassam b’mod ġust.

SERVER

Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Caritas Malta Leonid McKay qal li l-idea li jsir dan l-istudju kien li pajjiżna ma jibqax jitkellem dwar riskju ta’ faqar, iżda dwar is-sitwazzjoni tal-faqar f’pajjiżna. Dan hekk kif hu evidenti li għandna familji bi dħul baxx li jbatu biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja jew jiddependu fuq benefiċċji soċjali.

Il-President ta’ Caritas Malta appella għal għajnuna diretta lil dawn il-persuni li għandhom dħul baxx għax qal li dawn il-persuni għandhom bżonn li jkollhom dħul diċenti, kemm jekk jaħdmu, kif ukoll dawk li ma jaħdmux.