Hemm persuni li jaħdmu part-time biex ikabbru d-dħul tagħhom ħalli jlaħħqu mal-ħajja. Biss hemm persuni oħrajn li l-impjieg part-time hu l-uniku sors ta’ dħul tagħhom, l-uniku impjieg tagħhom. Dawk li l-impjieg part-time hu l-impjieg primarju tagħhom jagħmlu dan jew għaliex ma jsibux impjieg full-time, jew għaliex ma jkunux jistgħu jiddedikaw għax-xogħol jum sħiħ – bħal nisa miżżewġa li jkollhom familja x’jieħdu ħsieb jew individwi li jkunu jridu jduru ma’ anzjani, persuni bi bżonnijiet speċjali u oħrajn.
Minn dan it-tip ta’ ħaddiema f’pajjiżna għandna 34,850. Hemm iktar nisa minn irġiel: 20,402 nisa u 14,448 irġiel. Fl-aħħar tliet snin – bejn Frar 2013 u Novembru 2015 (l-aħħar ċifri li għandi f’idejja) – dawn żdiedu b’madwar 3,000, minn 31,866 għal 34,850. Mhux ftit meta tqis in-numru ta’ persuni li hawn jaħdmu f’pajjiżna.
Jirriżula wkoll li mill-188,850 persuna li hawn f’pajjiżna jaħdmu full-time u part-time (bħala l-impjieg primarju tagħhom), 22.6 fil-mija għandhom xogħol part-time biss. Li għal darb’oħra mhix xi ċifra insinjifikanti. Iżda hi waħda pjuttost qawwija.
Barra minn dawn l-34,850 persuna f’impjieg part-time bħala l-impjieg primarju tagħhom, hemm ukoll 24,374 li għandhom xogħol part-time flimkien ma’ impjieg full-time. Hawnhekk in-numru ta’ rġiel hu ikbar minn dak tan-nisa, id-doppju: 16,240 irġiel u 8,134 nisa. Anke dawn żdiedu fl-aħħar tliet snin – minn 23,676 għal 24,374.
Kontribut siewi
L-impjieg part-time jagħti kontribut siewi u qawwi lill-ekonomija. Dawn il-persuni jħallsu t-taxxa bil-15 fil-mija – miżuri li kien introduċa Gvern Nazzjonalista, iħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Nazzjonali u dak kollu li jħallsu dawk li jinsabu f’impjieg full-time. Biss l-impjiegi full-time jibqgħu dejjem l-impjiegi l-iktar importanti.
Il-gvern preżenti jiftaħar ħafna biż-żieda fl-impjiegi. Li ma jgħidx li parti sostanzjali miż-żieda ġejja minn impjiegi mas-settur pubbliku. Jekk inqabblu Frar 2013 ma’ Novembru 2015, insibu żieda ta’ 2,138 impjieg fis-settur ta’ attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi; 2,192 impjieg fis-settur tal-amminstrazzjoni pubblika u difiża, u sigurtà soċjali; 760 impjieg fil-qasam edukattiv; u żieda ta’ 724 impjeg fil-qasam ta’ attivitajiet ta’ saħħa umana u xogħol soċjali. Madwar 6,000 impjieg ġdid fis-settur pubbliku!
Iżda l-ekonomija tal-pajjiż ma tikbirx fuq iż-żieda fl-impjiegi fis-settur pubbliku. L-ekonomija l-iktar li tikber hu fuq is-settur privat. Hawnhekk insibu li s-setturi ekonomiċi importanti tal-ekonomija ftit li xejn żiedu impjiegi. Is-settur tal-manifattura kiber biss b’484 impjieg, minn 20,019 għal 20,503 u s-settur tal-akkomodazzjoni u attivitajiet f’servizz tal-ikel (is-settur tat-turiżmu), żied 1,154 impjieg, minn 9,765 impjieg għal 10,919 impjieg.
Hemm imbagħad iż-żieda fin-numru ta’ ħaddiema barranin. Li hi xi ħaġa pożittiva għaliex dawn ukoll ikabbru l-ekonomija. Hu kkalkulat li d-dħul għall-gvern mill-income tax personali u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà nazzjonali minn dawn il-ħaddiema kiber minn tnejn fil-mija tad-dħul kollu minn dawn iż-żewġ items ta’ taxxa fl-2000, għal 10 fil-mija fl-2014. Dan diġà hu biżżejjed biex wieħed jifhem kemm hu validu l-kontribut tal-ħaddiema barranin.
Ħadu biss loqma
Biss hemm il-biża’ wkoll li dawn il-barranin ikunu qed jieħdu l-impjiegi tal-Maltin. Iż-żieda qawwija fin-numru ta’ barranin li jaħdmu f’pajjiżna qabdet wara li sseħibna fl-Unjoni Ewropea, biss jirriżulta li kkargat mill-2010. Fl-2012 kien hawn madwar 14,000 ħaddiem barrani f’pajjiżna. Dawn telgħu għal 27,000 fl-2015 – jew bi 13,000. Issa fl-istess perijodu dawk jaħdmu bi qligħ żdiedu b’madwar 16,000. Li jfisser li minn din iż-żieda ta’ mpjiegi l-Maltin u l-Għawdxi ħadu biss loqma.
Mhux il-fatt li hawn ħafna barranin jaħdmu li għandu jinkwetana, iżda għaliex il-Maltin mhumiex jieħdu iktar mill-impjiegi li qed jinħolqu. Hemm bżonn jiġi determinat x’hemm ħażin fis-sistema u x’jista’ jsir biex il-qagħda titranġa favur il-ħaddiem Malti.
Niftakar meta l-Lufthansa Teknik kienu se jiftħu f’Malta kellhom problema ta’ nuqqas ta’ inġinieri. Dakinhar Gvern Nazzjonalista kien ħarreġ l-inġinieri kollha li din l-ażjenda kienet teħtieġ fl-MCAST.
Issa jekk verament ikun hemm road-map u l-gvern ikun jaf liema sezzjonijiet tal-ekonomija jkunu jeħtieġu ħaddiema mħarrġa, allura jkun jista’ – bi ftehim mas-settur edukattiv – iħarreġ iż-żgħażagħ li jkunu meħtieġa.
Kif għedt fil-bidu hemm diversi ħaddiem f’impjieg part-time li jixtiequ jaħdmu iktar. Hawnhekk ukoll is-sistema għandha taħdem biex tara dawn it-talin min huma u x’jista’ jsir biex dawn ikollhom parti ikbar mill-kejk ekonomiku.
Jekk il-ħaddiem ikun kuntent u qed jaqla’ biżżejjed biex imantni l-familja, il-pajjiż m’hemmx dubju li jmur aħjar. Biss jekk il-ħaddiem iħoss li mhux qiegħed jieħu sehem mill-kejk ekonomiku, jekk iktar ħaddiema jaqgħu fil-periklu tal-faqar, allura l-gvern ikun falla mill-mira ewlenija tiegħu.
Il-mira tal-ġustizzja soċjali li tiġi minn diversi komponenti ekonomiċi, ta’ quddiem nett l-impjiegi li jagħtu sodisfazzjon lil min ikun qed jaħdem.
//= $special ?>