Lokali Qorti

Jibqgħu ma jidhrux fil-Qorti minkejja r-Rikors biex jitneħħew mir-Reġistru Elettorali

Il-persuni barranin li xtraw Passaport, u li isimhom iddaħħal b’mod irregolari fir-Reġistru Elettorali, reġgħu ma dehrux fil-Qorti biex jikkonfermaw il-preżenza tagħhom fil-pajjiż.

Kien il-Partit Nazzjonalista li xi ġimgħat ilu nduna li kienet qed issir irregolarità meta fir-Reġistru Elettorali kienu qed jiddaħħlu barranin li kienu xtraw il-Passaport, iżda ma kienux qagħdu biżżejjed f’pajjiżna biex ikunu intitolati għall-Vot.

L-Oppożizzjoni tkellmet diversi drabi dwar dan il-każ u qed tinsisti li dan hu skandlu li seħħ fl-Uffiċċju Elettorali, li jaqa’ fid-Dekasteru tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Għalhekk, il-Prim Ministru ma jistax jibqa’ sieket quddiem dan il-każ ċar ta’ ksur tal-Kostituzzjoni. Il-maġġoranza tal-persuni li ddaħħlu illegalment fir-Reġistru Elettorali huma Ċiniżi, Russi, Sirjani, Pakistani u mill-Ażerbajġan.

Dwar din l-irregolarità, il-Partit Nazzjonalista ressaq numru ta’ Rikorsi, li se jkunu deċiżi fit-12 ta’ Lulju. Il-Kummissjoni Elettorali mhijiex toġġezzjona fuq 39 mill-91 Rikors li ressaq il-Partit Nazzjonalista.

Jirriżulta li l-Kummissjoni Elettorali trid il-poter biex tkun hi li tneħħi l-ismijiet mir-Reġistru u mhux tħalli lill-Qorti tiddeċiedi. Iżda l-Partit Nazzjonalista qed isostni li jkun qed jinħoloq preċedent jekk tkun il-Kummissjoni li tneħħi l-ismijiet li ddaħħlu illegalment.

Il-Partit Nazzjonalista qed isostni li għandha tkun il-Qorti li tirrevedi r-Reġistru Elettorali għax inkella jintilef kull sens ta’ kontroll.