Lokali

L-Alitalia u l-Etihad irrifjutaw l-ewwel proposta tal-Gvern biex jixtru l-isħma tal-Air Malta

Żvelat li l-Alitalia u l-Etihad irrifjutaw l-ewwel proposta tal-Gvern Malti biex jixtru isħma fl-Air Malta u għalhekk il-memorandum of understanding ippreżentat mill-Ministru tat-Turiżmu fil-Parlament din il-ġimgħa hu t-tieni attentat biex jintlaħaq ftehim.

Aħbar żvelata minn The Times tiżvela li wara taħdidiet fit-tieni parti tal-2015, l-Alitalia informat lill-Gvern Malti li ma kinitx interessata iktar fl-Air Malta u ma kinitx interessata li tinjetta kapital.

The Times issostni li l-bord tad-diretturi tal-Alitalia għamilha ċara lill-Air Malta li l-proposta tagħhom kienet qed tiġi rifjutata u li huma kienu se jirrifjutaw kull proposta li fiha jkun hemm injezzjoni ta’ kapital minħabba li huma ma kellhomx fondi disponibbli.

Is-sorsi ta’ The Times isostnu li l-Gvern kien ilu jippjana li jħabbar dan il-ftehim sa minn tmiem l-2015. Id-diskussjonijiet komplew wara li saru proposti ġodda, li fihom tnaqqsu t-talbiet.

Il-pożizzjoni tal-Alitalia kienet espressa miċ-Chairman tal-kumpanija Taljana Luca Cordero di Montezemolo li ddikjara li dan kien ftehim bla ebda riskji għall-Alitalia fejn l-Alitalia mhu se tinvesti ebda ewro fl-Air Malta.

Il-kummenti ta’ Montezemolo ma kinux miċħuda mill-gvern Malti għalkemm il-Ministru tat-Turiżmu ddikjara li l-ftehim isir biss jekk ikun ta’ benefiċċju għall-Air Malta.

Jirriżulta li wara li kienu waqfu d-diskussjonijiet bejn l-Alitalia u l-Air Malta kien hemm numru ta’ ġimgħat li fihom ma kienx hemm żviluppi biex kien fi Frar li reġa kien hemm attentat biex id-diskussjonijiet reġgħu bdew.

L-Alitalia u l-Gvern Malti qablu li jiffirmaw ftehim finali sa tmiem Lulju li ġej. Jirriżulta li minkejja li l-gvern mhux jagħti dettalji, diġà jeżisti ftehim bejn il-gvern Malti u l-Alitalia dwar in-numru ta’ ħaddiema u s-servizzi li mhux se jibqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Air Malta.