Tabib f’Ċentru tas-Saħħa rriżenja mis-settur pubbliku wara theddid li sarlu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex iżur pazjent partikolari, li ma kienx imissu jżur.
Fil-ħarġa tal-lum, il-ġurnal The Malta Independent ikkwota korrispondenza li t-Tabib bagħat lill-Assoċjazzjoni Medika Maltija biex jispjega dak li ġara, fejn qal li meta rċieva l-istruzzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, hu wieġeb li ma jridx isegwi l-ordnijiet, skont direttiva maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa. Madankollu, hu baqa’ jiġi sfurzat biex jagħmel dan.
Fl-email, it-Tabib spjega li meta beda jirrifjuta li jmur għand il-pazjent issuġġerit minn Kastilja, hu saħansitra rċieva “theddid verbali”. Qal li mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru sfurzawh biex imur għand il-pazjent minkejja d-direttiva li għandhom.
Mal-MAM, it-Tabib spjega li sa dak l-inċident, kien għadu qed jikkunsidra jekk jaħdimx full-time fis-settur pubbliku appena jlesti l-proċess ta’ speċjalizzazzjoni. Madankollu, nnota li każ bħal dan juri nuqqas ta’ awtonomija professjonali, kif ukoll appoġġ fqir mill-awtoritajiet.
Spjega li, għaldaqstant, ma kellux għażla oħra ħlief li jirriżenja mis-settur pubbliku dakinhar stess li għaddielu ż-żmien obbligatorju għat-taħriġ.
F’laqgħa li l-MAM organizzat dan l-aħħar, sar magħruf li kull Tabib preżenti li jaħdmu fiċ-Ċentri tas-Saħħa kellhom mill-anqas każ wieħed ta’ sfurzar minn xi Uffiċjal f’Ministeru ħalli t-Tabib jintervjeni fl-amministrazzjoni taċ-Ċentru tas-Saħħa.
Madankollu, il-Ministeru tas-Saħħa s’issa għadu qed jgħid li mhux konxju ta’ xi każi partikolari minn dawn. Fil-fatt, mill-Ministeru talbu lill-MAM tagħti aktar informazzjoni dwar il-każi partikolari li wasslulha.
//= $special ?>