Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali) laqgħat Rikors li dalgħodu ġie ppreżentat mill-Partit Nazzjonalista biex tisma’ b’urġenza t-talba biex l-Awtorità tal-Ippjanar u Transport Malta ma jneħħux il-billboards tal-Partit sakemm tiġi deċiża l-kawża li diġà fetaħ.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-kawża ġiet ippreżentata kontra l-Prim Ministru, il-Ministru għat-Transport u l-Infrastruttura, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva, l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità għat-Trasport u l-Avukat Ġenerali.
Permezz ta’ din il-kawża Kostituzzjonali, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Qorti tiddikjara li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet li jneħħu l-billboards politiċi tiegħu u r-Regolamenti li daħlu fis-seħħ bis-saħħa tal-Avviż Legali 103 tal-2016 jiksru d-drittjiet fundamentali tiegħu kif garantiti mill-Kostituzzjoni u mill-Konvenzjoni Ewropea.
Illum waranofsinhar il-Partit Nazzjonalista ppreżenta mill-ġdid talba għall-ħruġ ta’ Mandat ta’ Inibizzjoni kontra l-Awtorità tal-Ippjanar u Transport Malta biex jiżgura li l-billboards tiegħu ma jitneħħewx b’mod abbużiv mill-istess awtoritajiet. Il-Qorti diġà laqgħet b’mod proviżorju l-Mandat ta’ Inibizzjoni u se tkun qed tieħu deċiżjoni finali aktar ‘il quddiem.
//= $special ?>