Lokali

50 każ ta’ ndħil lit-tobba dirett minn Kastilja u mill-Ministeri

Rapport : Robert Cremona

L-indħil qed joħloq kaos kbir fis-sistema tas-saħħa

Il-MAM għandha quddiema mal-50 każ ta’ tobba li fl-aħħar tliet snin kellhom każi ta’ ndħil dirett minn Kastilja u minn Ministeri varji. Każ speċifiku ta’ ndħil politiku kien diġà rappurtat direttament lill-Ministru Chris Fearne. Dan kien żvelat fil-ġurnal in-Nazzjon. 

F’kummenti lil netnews.com.mt, il-President tal-MAM, Martin Balzan, spjega li meta laqqgħu lit-tobba kien hemm mal-50 tabib li tkellmu dwar indħil minn Ministeri sabiex iqabbżu l-pazjenti indikati lilhom.

“Dan l-indħil qed joħloq kaos kbir fis-sistema tas-saħħa”, sostna Martin Balzan. Hu qal li din is-sitwazzjoni ilha għaddejja tliet snin.

Jirriżulta li l-laqgħat bejn il-MAM u l-Ministeru tas-Saħħa se jkomplu fil-ġranet li ġejjin wara li l-Ministru jkun irritorna lura mis-safar.

L-Assoċjazzjoni tat-Tobba kienet tat sal-20 ta’ Ġunju sabiex tinstab soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni ta’ ndħil fuq it-tobba.

Ilbieraħ, ġie żvelat li tabib f’Ċentru tas-Saħħa rriżenja mis-settur pubbliku wara pressjoni li saritlu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex iżur pazjent partikolari, li ma kienx imissu jżur.

Il-ġurnal The Malta Independent ikkwota korrispondenza li t-tabib bagħat lill-MAM biex jispjega dak li ġara, fejn qal li meta rċieva l-istruzzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, hu wieġeb li ma jridx isegwi l-ordnijiet, skont direttiva maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa. Madankollu, hu baqa’ jiġi sfurzat biex jagħmel dan.

Fl-email, it-tabib spjega li meta beda jirrifjuta li jmur għand il-pazjent issuġġerit minn Kastilja, hu saħansitra rċieva “theddid verbali”. Qal li mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru sfurzawh biex imur għand il-pazjent minkejja d-direttiva li għandhom.

Mal-MAM, it-tabib spjega li sa dak l-inċident, kien għadu qed jikkunsidra jekk jaħdimx full-time fis-settur pubbliku appena jlesti l-proċess ta’ speċjalizzazzjoni. Madankollu, innota li każ bħal dan juri nuqqas ta’ awtonomija professjonali, kif ukoll appoġġ fqir mill-awtoritajiet.

Spjega li, għaldaqstant, ma kellux għażla oħra ħlief li jirriżenja mis-settur pubbliku dakinhar stess li għaddielu ż-żmien obbligatorju għat-taħriġ. Din l-email li bagħat lill-MAM dan it-tabib partikolari, ġiet mgħoddija wkoll lill-Ministru għall-attenzjoni tiegħu.

Il-MAM ilha numru ta’ ġranet li ddikjarat li qed ikun hemm indhil minn Kastilja u l-Ministeri biex pazjenti jaqbżu pazjenti oħra.

Sa din il-ġimgħa, il-Ministeru tas-Saħħa kien għadu qed jgħid li mhux konxju ta’ xi każi partikolari minn dawn. Fil-fatt, mill-Ministeru talbu lill-MAM tagħti aktar informazzjoni dwar il-każi partikolari li wasslulha. Kien għal din ir-raġuni li l-MAM għaddiet din l-email direttament lill-Ministru Chris Fearne.