Il-familji Maltin mhux iħossu li jiggwadanjaw daqs kemm il-gvern jgħid li l-ekonomija sejra tajjeb, u għandu jsir sforz mill-gvern biex il-ġid li jinħoloq jitqassam b’mod ġust.
Qal dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, li kien il-mistieden speċjali tal-ewwel laqgħa minn sensiela ta’ btalks, fejn in-negozjanti qed ikunu mistiedna jaqsmu l-ideat tagħhom dwar kif in-negozju jissaħħaħ u jiżviluppa.
Tkellem dwar l-isfidi li għaddejjin minnhom il-ħaddiema fis-settur tar-retail u tas-settur tal-manifattura, li fl-aħħar snin beda juri sinjali inkwetanti bi tnaqqis fix-xogħol għall-kumpaniji lokali, kemm kbar kif ukoll żgħar u medji.
Dawn is-setturi jħaddmu eluf kbar ta’ ħaddiema imma jolqtu wkoll mijiet ta’ familji ta’ dawn il-ħaddiema, u għalhekk ifisser li jekk jintilef xogħolom, dawn il-familji kollha jkunu tilfu l-għajxien tagħhom.
Mhux talli mhix tittieħed azzjoni mill-Gvern biex jiġu mgħejuna dawn iż-żewġ setturi importanti għal pajjiżna, iżda n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat f’dak li għandu x’jaqsam mal-iskandlu tal-Panama qed iwassal għal inċertezza kbira fis-settur finanzjarju f’pajjiżna.
Kawża ta’ dan l-iskandlu, il-ħaddiema tas-settur finanzjarju spiċċaw f’sitwazzjoni ta’ barranin li jistaqsuhom mistoqsijiet dwar l-involviment tal-eqreb nies tal-Prim Ministru Joseph Muscat, jiġifieri l-Minsitru bla portafoll Konrad Mizzi, u ċ-chief of staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri. It-tnejn li huma kienu u għadhom jaħdmu mill-qrib ta’ Joseph Muscat, f’uffiċċju f’Kastilja.
Simon Busuttil wissa li tkun ħasra, imma fuq kollox katastrofika li nħassru r-reputazzjoni ta’ pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam mas-settur finanzjarju, li nbniet fuq snin twal u mix-xejn.
Irrimarka wkoll dwar sitwazzjoni oħra inkwetanti, jiġifieri l-mod kif jitmexxi l-public procurement f’Malta. Dan fid-dawl ta’ każ wara l-ieħor, bl-iktar wieħed riċenti jkun dak ta’ tender ta’ €85,000 għall-provvista ta’ karti lill-Enemalta, mogħti lill-kumpanija Kasco ta’ Keith Schembri.
“Dawn il-każi jqajmu dubji kbar, u mhux sew li kumpaniji li tant jistinkaw biex ħidmiethom tħalli l-frott ma jħossux li qed jikkompetu fuq level playing field. Ma tistax tikkompeti jekk il-gvern ipoġġilek ħajt bejnek u bejn min qed tikkompeti,” qal b’dispjaċir Simon Busuttil.
//= $special ?>