BLOGS

Impekkabbli? Inti serju?

Il-qarrejja ta’ l-orizzont imdorrijin jaqraw artikli li jinjoraw għalkollox ir-realtà politika f’pajjiżna u minflok jinfexxu jfaħħru kull mossa, tkun li tkun, li jagħmel Gvern Laburista. Nhar l-Erbgħa l-1 ta’ Ġunju deher artiklu f’The Times of Malta miktub minn Desmond Zammit Marmara. Ħareġ b’akkuża li l-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil qed jaġixxi bħala Oppożizzjoni li l-għan tagħha hu li tostakola l-gvern fit-tmexxija tal-pajjiż.

Qrajt numru ta’ kummenti dwar dan l-artiklu li dehru fl-istess gazzetta. Laqatni kumment xott iżda b’tifsira profonda ta’ Judith Thomas. Dan hu l-kumment oriġinali: “Just one question, Mr Marmara – are you serious?” Inti serju, Sur Zammit Marmara? Għax l-awtur irrifera b’arroganza għax xogħol li wettaq il-Gvern Laburista s’issa f’sentenża waħda: “Fl-opinjoni tiegħi, kulħadd jaqbel li r-rekord ta’ dan il-gvern hu impekkabbli.”

Li tassumi li kulħadd jaqbel dwar xi ħaġa hi diġà esaġerazzjoni tal-prima klassi. Ghax jagħmel x’jagħmel gvern, hu ta’ liema kulur ikun, qatt ma se jsib l-appoġġ ta’ kulħadd. Ir-realtà u l-prattika tgħallem b’mod ġenerali li dan mhux possibbli. Nerġa’ nirritorna għal kummenti, din id-darba nirreferi għal-lista li telenka xi ftit mill-fjaski li wettaq dan il-gvern ‘impekkabbli’.

Christopher Ripard semma x’sar minnha l-power station, għala ma rajna l-ebda kuntratt li ffirma l-gvern, għala l-prezzijiet taż-żejt huma daqshekk għolja, għala n-numru kbir ta’ persuni mogħtija postijiet mal-gvern on trust, għala l-ħerba kbira fix-xandir pubbliku, għala l-ftuħ ta’ kumpaniji sigrieti fil-Panama, għala kandidat għal post ta’ awditur fl-Ewropa spiċċa biex waqqgħana għaż-żufjett, għala kriminali ngħataw pożizzjonijiet fuq livelli ta’ ambaxxaturi, għala s-servizz tas-saħħa qiegħed taħt theddida ta’ strike mit-tobba, għala għad hemm pazjenti fil-kurriduri…??? Lista li tassew tħassar l-impekkabbiltàli jara DZM fil-gvern tal-eroj tiegħu Joseph Muscat li kummentatur ieħor fl-istess forum qal dwaru: “li jekk hemm min qed jagħmel ostakli lill-Gvern Laburista, dan m’hu ħadd ħlief l-istess gvern,” u dan b’riferenza għal Joseph Muscat innifsu.

Nuqqas ta’ governanza serja
L-awtur tal-artiklu bla dubju ta’ xejn jaqra t-Times b’mod regulari u naħseb li bħali nnota l-editorjali li nkitbu dan l-aħħar fl-istess gazzetta dwar in-nuqqas ta’ governanza serja minn dan il-gvern immexxi minn Joseph Muscat u t-theddid sottili u mhux daqstant sottili li l-istess gvern qed jagħmel lill-istampa. Dawn il-kummenti jgħoddu wkoll għall-gazzetti Sunday Times, il-Malta Independent u l-Malta Independent on Sunday. L-istampa indipendenti qed tara r-realtà politika f’pajjiżna fil-preżent kif inhi u mhux kif pinġiha DZM.

L-uniku difett li għandu l-Gvern Laburista skont DZM hu li wiegħed livell għoli ta’ akkontabbiltà u li “xi drabi” ma laħaqx dawk il-livelli li wiegħed. Xi drabi? Kemm il-kuntratt li ffirma Konrad Mizzi għan-nom ta’ Malta nafu x’fihom? Kemm intefqu flejjes mill-Kaxxa ta’ Malta biex jinqdew il-mijiet ta’ Laburisti bħala premju tal-parti tagħhom fil-kampanja elettorali tal-2013? Min qed idaħħal eluf ta’ ewros bis-saħħa tal-bejgħ tal-passaport Malti? Hemm patafjun ta’ mistoqsijiet li jitolbu tweġiba, iżda se jibqgħu moħbija. Mal-akkontabbiltà suppost li kien hemm ukoll it-trasparenza, iżda konvenjentament qabżitlu lil DZM.

U kif inhi li l-Panama Papers ma ssemmew xejn fl-istess artiklu? DZM mid-dehra ma jara l-ebda problema li għandna Ministru fil-gvern Malti u allura Ministru tal-Unjoni Ewropea li kull fejn imur iħammeġ wiċċ Malta u l-Maltin. U fi ftit xhur oħra se jkollna Prim Ministru Malti li se jippresiedi fuq l-Unjoni Ewropea li kull fejn imur irid jiskarta mill-ġurnalisti ħielsa barranin u lokali li ma jmorrux jistaqsu xi mistoqsija dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri. Perjodu ta’ trijonf politiku diġà ġie mċappas mill-korruzzjoni rampanti ta’ gvern immexxi minn Joseph Muscat u jekk dak li deher ftit ġranet ilu fil-blogg ta’ Daphne Caruana Galizia dwar rapport due diligence f’rigward il-bejgħ tal-isptarijiet f’Malta u Għawdex ma jiġix affrontat minn Joseph Muscat, il-Kummissjoni Ewropea jkollha d-dmir li taġixxi. Muscat ammetta li setgħu saru laqgħat ma’ wieħed mid-Diretturi tal-Kumpanija Vitalis. Iżda dwar dak li allegatament kien ġie mwiegħed f’dawn il-laqgħat – baħħ! Hemm qiegħda l-imma. U jekk DZM ma jara xejn ħażin f’dan kollu, allura jkolli nemmen dak li l-esperjenża għallmitna li l-ħażin jirbaħ għax it-twajbin jibqgħu siekta. Dak li għamlu l-membri Parlamentari Laburisti bil-voti tagħhom ripetutament taw palata li l-ħażin ikompli jingrana b’dannu kbir għall-pajjiżna u għall-politika nnifisha. L-impekkabbiltà u l-korruzzjoni ma jistgħux jgħixu taħt saqaf wieħed, l-għażla trid issir. Tgħid DZM mhux kapaċi jagħmel din l-għażla?

Politika onesta
L-għażla hi l-politika onesta li qed joffri Simon Busuttil. Issa jekk l-offerta li qed jagħmel quddiem il-poplu Malti u Għawdxi tiġi interpretata bħala ostaklu għall-governanza tal-Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat, allura l-isfida quddiemna hi waħda ferm akbar milli qatt konna naħsbu. Il-korruzzjoni tal-mexxejja Laburisti preżenti kienet ippjanata, dan nafuh mid-dokumenti tal-Panama Papers. Kemm jitqiegħdu f’posthom affarijiet oħra bħat-tkeċċija ta’ Godfrey Farrugia minn Ministru biex Konrad Mizzi jibda jattwa l-pjani predeterminati minn Keith Schembri u Joseph Muscat u bħal l-impiegi li ngħataw lill-backbenchers Laburisti ħalli l-voti tagħhom fil-Parlament ikunu assigurati. L-impekkabbiltà kienet fl-ippjanar tal-korruzzjoni. Kuraġġ ħbieb u ħidma għalenija. Il-ġlieda tagħna trid tara r-rebħa tas-sewwa fuq il-ħażen. Triq iebsa għax l-isfida hi li neqirdu l-mentalità korrotta tat-tmexxija Laburista.