Lokali Qorti

Jinżamm arrestat dwar akkużi ta’ serq ta’ karozzi waqt li kien bil-liberta’ provożorja

Raġel ta’ 30 sena minn Ħaż-Żabbar inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli b’serq ta’ karozza, li għamel ħsara f’żewġ karozzi u li huwa riċediv għax għamel reat waqt perjodu operattiv ta’ probation u kiser il-kundizzjonijiet tal-liberta’ proviżorja.

Ir-raġel ġie akkużat li fost oħrajn laqa’ għandu oġġetti misruqa u li saq bi traskuraġni u mingħajr liċenzja valida tas-sewqan u mingħajr polza tal-assigurazzjoni.

Huwa wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih bl-avukat difensur Arthur Azzopardi talab għall-ħelsien mill-arrest għax qal li għalkemm għamel żmien li kellu problema ta’ dipendenza, din indirizzaha tant li llum għandu impjieg. Qal ukoll li r-raġel għandu tfajla u tant temmen li l-akkużat biddel ħajtu, li lesta tagħmel garanzija għalih.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-akkużat kien arrestat ma’ persuna oħra li għadha qed tiġi investigata, liema persuna għamlet programm ta’ rijabilitazzjoni mal-akkużat, tgħix u taħdem flimkien mal-akkużat.
Il-prosekuzzjoni argumentat li tibża’ li jkun hemm intraċċ tal-provi u għax minħaba l-fedina penali tal-akkużat, huwa mhux ta’ min jafdah.

Wara li semgħet liż-żewġt naħat, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, ċaħdet it-talb għall-ħelsiem mill-arrest u l-akkużat nżamm arrestat fil-ħabs ta’ Kordin.