Internazzjonali

Milqutin mis-sajjetti waqt ‘Rock festival’ fil-Ġermanja

Weġġgħu talanqas 51 persuna, tmienja minnhom serjament, wara li sensiela ta’ sajjetti laqtu l-inħawi, fil-Punent tal-Ġermanja, fejn qed isir il-festival Rock am Ring, bil-preżenza ta’ diversi ismijiet magħrufa mid-Dinja tal-mużika Rock.

L-organizzaturi tal-festival, li fih qed jieħdu sehem gruppi rinomati bħal The Red Hot Chili Peppers, qalu li s-sajjetti laqtu din iz-zona matul is-sigħat bikrin tas-Sibt, fost rapporti li almenu tnejn fost il-persuni li ntlaqtu kellhom jingħataw trattament speċifiku biex jinġiebu lura f’sensihom.

L-Ewropa Ċentrali, fl-aħħar jiem, intlaqtet b’numru ta’ maltempati ħorox iddominati mix-xita, bl-elementi jirriżultaw fi ħdax il-mewta fil-Ġermanja.

Intant, l-organizzaturi tar-Rock am Ring, li issa saħlet fil-31 sena tagħha, qalu li l-avveniment ta’ din is-sena kellu jkompli minkejja tbassir ta’ aktar maltempati għal matul il-lejl. Kważi 100,000 dilettant tar-Rock kienu mistennija jattendu għall-programmi ta’ tmiem il-ġimgħa fejn, minbarra r-Red Hot Chilli Peppers, qed jieħdu sehem ukoll gruppi bħal Foals, Deftones u We Are Scientists.

Il-festival Rock am Ring anki s-sena l-oħra kien intlaqat mis-sajjetti, bir-riżultat li sa 33 persuni kienu ttieħdu l-isptar.