Lokali Parlament

Oppożizzjoni pro-attiva li tirrifletti r-realtajiet soċjali

Il-Parlament - Mill-Arkivji

Fl-aħħar jiem, għadda minn stadju ta’ kumitat fil-Parlament l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Professjoni tax-Xogħol Soċjali. Is-sehem tal-Oppożizzjoni, permezz tax-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u l-Kelliem tal-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Anzjani u l-Persuni b’Diżabilità Robert Cutajar, kien strumentali biex dan l-abbozz ta’ liġi llum ġie jirrifletti aktar ir-realtajiet soċjali u l-bżonnijiet tal-istess settur, li jmissu ukoll ma’ numru mhux żghir ta’ għaqdiet u organizzazjonijiet mhux Governattivi.

Matul il-proċess ta’ din il-liġi, l-Partit Nazzjonalista kellu diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Social Workers fejn minn nahħ tagħha rrikonoxxiet ukoll il-ħidma tal-Oppożizzjoni. L-Oppożizzjoni saħansitra ressqet ukoll emendi għall-abbozz ta’ liġi mressaq fil-Parlament.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li dan l-abbozz, li mistenni jiġi approvat mill-istadji kollha fil-Parlament u jidhol fis-seħħ fil-ġimgħat li ġejjin, se jkun qed jemenda l-liġi oriġinali li kienet tressqet fl-2003. Dakinhar, għall-ewwel darba f’pajjiżna, is-social work ġie rikonoxxut bħala professjoni, kif ukoll li l-istess ħaddiema ingħataw status ta’ professjonisti.

Dan kien messaġġ ċar, fejn għal darb’oħra, l-Partit Nazzjonalista qed ikun pożittiv bħala Gvern alternattiv fil-ħidma tiegħu fil-Parlament f’din il-leġiżlatura. Din il-ligi li l-Oppożizzjoni se tkun qed tivvota favur tagħha, se tkun qed taffettwa kważi 500 social worker li għandna f’pajjiżna u oħrajn li qegħdin fil-proċess li jidħlu f’din il-professjoni tant importanti f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li jirrikonoxxi li din il-liġi se tkompli ttejjeb il-professjoni tax-xogħol soċjali f’pajjiżna, fl-istess waqt jinsisti mal-Gvern biex jara li f’kull entità governattiva, fl-ebda ħin u għall-ebda raġuni ma jkun hemm minn jiprova jnaqqas id-dinjità u r-rispett lill-istess ħaddiema soċjali.

Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja u jsellem lill-ħaddiema soċjali kollha kif ukoll lil dawk li jaħdmu fil-qasam soċjali f’pajjiżna.