Internazzjonali

Pariġi taħt allert għal għargħar minkejja li naqsu l-livelli tax-Xmara Seine

Il-poplu ta’ Pariġi, il-belt kapitali ta’ Franza, ħa ftit tan-nifs bl-aħbar li naqas il-livell tal-ilma tax-Xmara Seine. Dan sigħat wara li l-ilma ta’ din ix-xmara ewlenija kienet irreġistrata fl-ogħla livell għal dawn l-aħħar 34 sena.

Kien hemm ħin meta l-ilma tax-xmara telgħet bi ftit aktar minn sitt metri ‘il fuq mil-livell normali, b’sensiela ta’ għargħar li ddominaw f’Pariġi, fl-aħħar jiem, iwasslu għall-għeluq ta’ partijiet tal-metro u l-aċċessi għall-monumenti ewlenin tal-kapitali Franċiża.

Ingħalqu wkoll il-mużewijiet famużi ta’ Louvre u Orsay f’Pariġi waqt li ħaddiema mexxew xogħlijiet tal-arti imprezzabbli lejn zoni ħielsa mill-periklu ta’ għargħar.

Fl-istess ħin, Pariġi xorta baqgħet tosserva t-tieni l-ogħla livell ta’ alert li jwissi dwar ‘impatt potenzjali sinifikanti’ mill-għargħar. Dan waqt li l-Ministeru għall-Ambjent Franċiż qal li l-għargħar jidher li laħaq il-massimu, fost stennija li l-ilma għandu jibqa’ stabbli fi tmiem il-ġimgħa u bil-livell ikompli jonqos maż-żmien.

Għexieren ta’ eluf ta’ nies kienu sfurzati jabbandunaw djarhom, bl-għargħar għadu qed jaffettwa t-trasport fil-kapitali, fejn in-network tal-ferrovija mill-ġdid ma pprovdiex is-servizzi totali. Kien mistenni aktar inżul ta’ xita fuq iz-zoni ċentrali ta’ Franza, meta xi 17,000 dar fil-kapitali u l-madwar kienu għadhom mingħajr elettriku.

Il-Prim Ministru Franċiż Manuel Valls qal li mietu erba’ persuni, b’għexieren oħra fi Franza jindarbu b’kaġun tal-għargħar u inċidenti dovuti għall-maltemp. Ir-rapporti qalu wkoll li mietu almenu 20 persuna f’diversi zoni tal-Ewropa ċentrali wara li ħalbiet tax-xita qawwija kkaġunaw għargħar tul medda ta’ artijiet, li jġebbdu minn Franza sal-Ukrajna.

Kienu rrappurtati każijiet fatali anki fil-Ġermanja, ir-Rumanija u l-Belġju, bl-Awstrija, l-Olanda u l-Polonja wkoll iġarrbu l-effett tal-elementi.