Tiftaħ l-esebizzjoni annwali tal-bonsai fil-Floriana

Bħal kull sena l-Bonsai Culture Goup, li din is-sena qed jiċċelebra l-25 anniversarju mit-twaqqif tiegħu, qed itella’ l-esebizzjoni tal-bonsai.

Il-bonsai hi arti li oriġinat mill-Ġappun, fejn b’dedikazzjoni tant kbira l-entużjasti jkabbru s-siġar f’daqs żgħir imma bi preċiżjoni liema bħalha.

Iżda minkejja li forsi ma tantx tingħata prominenza, il-ħidma tal-grupp qed tħalli kontribut speċjali għal pajjiżna, inkluż bil-preservazzjoni ta’ siġar indiġeni u l-kollezzjoni ta’ siġar li kieku kienu se jispiċċaw vittmi tal-iżvilupp.

Kif spjega f’kummenti lil dan is-sit, il-President tal-grupp John Grech jappella biex persuni oħra, anke dawk li mhux interessati fl-arti tal-bonsai, jikkontribwixxu biex is-siġar ma jkomplux ikunu vittmi tal-iżvilupp.

L-esebizzjoni tibqa’ miftuħa sal-Ħadd, fil-ġardina tal-Bonsai Culture Group, ‘l isfel mill-Kurja, fil-Floriana.