Truppi tal-Gvern Sirjan qasmu lejn il-provinċja ta’ Raqqa, fis-Sirja, meta jinsabu viċin l-hekk-imsejħa ‘belt kapitali’ tat-terroristi tal-ISIS.
Intant, is-Sirja u r-Russja ma kkonfermawx rapport tas-Syrian Observatory for Human Rights ( ibbażat fir-Renju Unit) li l-offensiva tal-militar Sirjan fuq Raqqa qed tingħata appoġġ minn ajruplani tal-gwerra Russi ‘li ppersistew bir-rejds fuq l-inħawi’.
Alleanza anti-ISIS – magħmulha minn ġellieda Sirjani-Kurdi u Arab u li għandha l-appoġġ tal-Istati Uniti – bdiet il-kampanja militari f’Mejju bit-tragward li t-terroristi jitkeċċew minn zoni tal-art lejn it-Tramuntana ta’ Raqqa.
L-ISIS kien ħataf l-inħawi ta’ Raqqa, fl-2013, meta din il-belt, sa dak iż-żmien, kienet ikkontrollata minn ribelli li jopponu għall-President Sirjan Bashar al-Assad.
L-ISIS ma tilifx iż-żmien biex iwaqqaf il-kwartieri-ġenerali tiegħu f’Raqqa u beda jimponi l-viżjoni tiegħu ta’ Stat li jimplimenta interpretazzjoni stretta u primittiva tal-liġi Iżlamika,. Fil-fatt, l-ISIS wasal biex iħabbar ‘Kalifat’ fiz-zona fl-2014.
Sadanittant, is-Syrian Observatory qal li kien hemm il-konfronti bejn is-suldati Sirjani u militanti tal-ISIS fit-triq ta’ Athria-Tabqa, waqt li l-militar tas-Sirja avvanza mill-provinċja ta’ Hama. It-truppi Sirjani kienu qed jippruvaw jilħqu x-Xmara Assad u t-triq prinċipali li tgħaqqad il-belt ta’ Raqqa ma’ Aleppo.
Lejn it-Tramuntana ta’ Raqqa, il-Qawwiet Demokratiċi tas-Sirja appoġġjati mill-Istati Uniti, jidhru li stazzjonaw xi 30,000 ġellieda fl-inħawi huma u jippruvaw jisfurzaw lill-ISIS ‘il barra mill-‘qalba tal-Kalifat’. Dan meta r-Russja impenjat ruħha biex tikkoordina mal-Qawwiet Demokratiċi tas-Sirja u mal-Istati Uniti rigward l-offensiva.
L-uffiċjali Amerikani jikkalkulaw li hemm preżenza ta’ bejn 3,000 u 5,000 ġellied tal-ISIS f’Raqqa.
//= $special ?>