Lokali

“Iċ-ċavetta għall-futur tal-Air Malta hija t-tkabbir u mhux it-tnaqqir” – Claudio Grech

Rapport : Amy Borg

Fl-isfond tal-Memorandum of Understanding iffirmat mal-Alitalia biex din il-kumpanija tixtri 49% tal-ishma tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru Air Malta, ix-Shadow Minister tal-Ekonomija Claudio Grech f’intervista mal-gazzetta il-mument iddikjara li filwaqt li l-Oppożizzjoni taqbel li jkun hemm sieħeb strateġiku, dan mhux bilfors għandu jsir bi trasferiment ta’ prattikament nofs l-ishma.

Il-Gvern iffirma Memorandum of Understanding, mal-Alitalia biex din il-kumpanija tixtri 49% tal-ishma tal-Airmalta. Mill-analiżi li għamlet l-Oppożizzjoni, x’tibdiliet hemm indikat li se jkun hemm?
Il-Memorandum of Understanding ma jagħitx ħafna dettal dwar dak li se jiġri f’dan il-proċess. Huwa ċar li jekk il-ftehim iseħħ, dan se jġib miegħu sensiela ta’ bidliet fuq livell operazzjonali minħabba dawk il-funzjonijiet li jistgħu jiġu kkonsolidati ma’ dawk tal-Alitalia kif ukoll minħabba metodi ġodda ta’ ħidma.
Fil-Parlament l-Oppożizzjoni talbet aktar dettalji dwar liema huma dawk id-dipartimenti jew kategoriji ta’ ħaddiema li se jkunu milquta minn dawn il-bidliet u kif se jkunu milqutin. Iżda s’issa jidher li dan id-dettall għadu nieqes peress li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin. Punt li l-Oppożizzjoni baqgħet tisħaq fuqu huwa dak marbut mal-investiment li se tagħmel l-Alitalia għaliex minn dak li stqarr iċ-Chairman tal-Alitalia jidher li l-intenzjoni tagħhom hija li ma jagħmlu l-ebda forma ta’ investiment finanzjarju.Claudio-Grech

 

 

L-Oppożizzjoni tidher li hija kontra li jkun hemm 49% privatizzazzjoni li jmorru għand il-kumpanija Alitalia. Għaliex? Fuq kemm persentaġġ, l-Oppożizzjoni taħseb li għandu jkun hemm bejgħ tal-ishma lill-Alitalia u ishma oħrajn lil interessi lokali Maltin? Abbażi ta’ xhiex huwa propost dan?
Filwaqt li aħna naqblu mas-sħubija strateġika fuq diversi livelli tekniċi, strateġiċi u operazzjonali, ma nemmnux li dan irid isir neċessarjament permezz ta’ trasferiment ta’ prattikament nofs l-ishma tal-Air Malta. Il-proposti ewlenin tagħna huma li fl-ewwel lok il-Gvern isaħħaħ il-kumpanija b’tali mod li din tkun tista’ ssejjaħ għall-investiment lokali mill-pubbliku u minn istituzzjonijiet finanzjarji biex issaħħaħ il-bażi kapitali tagħha. Dan il-pass jikkonsolida l-parteċipazzjoni tal-azzjonisti lokali u fl-opinjoni tagħna jwassal għal tisħiħ tal-governanza tal-kumpanija. Flimkien ma’ dan qed nipproponu wkoll li l-ħaddiema jingħataw opportunità li huma wkoll jinvestu fil-kumpanija permezz tal-kontribut tagħhom lejn il-fażijiet li jmiss tal-proċess ta’ ristrutturar. Wieħed jista’ jikkunsidra wkoll xi forma ta’ hybrid bejn dawn il-mudelli. Iżda kollox ma’ kollox nemmnu li t-trasferiment ta’ 49% kif propost għandu jkun diskuss f’dan l-isfond.

X’ilmenti regolari qed ikollha l-Oppożizzjoni minn rappreżentanti ta’ ħaddiema f’sezzjonijiet differenti tal-Air Malta?
Indubbjament l-aktar ħaġa li tħasseb lill-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom hija l-inċertezza. Aktar ma’ proċessi bħal dawn idumu, aktar tinħoloq inċertezza fost il-ħaddiema mhux lanqas minħabba ħafna spekulazzjoni dwar dak li jkun se jiġri jew le fl-azjenda. Huwa għalhekk li aħna qed nisħqu li l-Gvern għandu jikkunsidra li jibda proċess biex jinħoloq Patt Azjendali ġdid bejn il-kumpanija, l-azzjonisti tagħha u l-erba’ unions f’daqqa biex ikun hemm qafas ċar u maqbul bejn il-partijiet kollha ta’ kif il-proċess u l-bidliet neċessarji se jitmexxew. L-inċertezza mhijiex sana speċjalment f’dawk il-katergoriji ta’ ħaddiema li n-natura tax-xogħol tagħhom hija sensittiva u kumplessa.

X’għandha tkun it-triq għall-Air Malta biex tibqa’ kompettitiva?
L-Air Malta ilha għal dawn l-aħħar snin tiffaċċja kompetizzjoni ħarxa minn linji tal-ajru li l-mudell tagħhom huwa kompletament differenti u bbażat fuq l-anqas spiża operazzjonali possibbli. Għalhekk l-Air Malta trid tara li tkun effiċjenti f’kull ħaġa li tagħmel u fl-istess waqt tiffoka fuq esperjenza dejjem aħjar għall-passiġġieri tagħha. Il-futur tal-Air Malta jista’ jkompli jinbena u jissaħħaħ fl-isfond ta’ settur turistiku li ilu jikber mill-2010 ‘il hawn u li għalhekk jipprovdi l-bażi biex tkompli tikber. Żgur li t-triq ‘il quddiem mhijiex li wieħed jaqta’ qalbu jew li jċekken l-operat tal-kumpanija. Anzi l-kumpanija trid tara kif tista’ tagħmel ħafna aktar bir-riżorsi li għandha għaliex b’hekk tkun tista’ ttejjeb il-produttività u l-qligħ. Ovvjament dan jirrikjedi li kulħadd jirrealizza l-isfidi li għandha l-Air Malta u li din qed tikkompeti f’suq bla hniena.

X’effetti ħalla l-pjan ta’ ristrutturar għall-Air Malta li sar minn Gvern Nazzjonalista maqbul mal-Kummissjoni Ewropea? Kien effettiv jew le?
Il-pjan li daħal fis-seħħ fl-2012 wassal biex il-Gvern investa €130 miljun fl-Air Malta. Dan il-pjan kien preċedut minn żewġ programmi ta’ ristrutturar li matul it-tmien snin ta’ qabel wasslu biex l-Air Malta ttejjeb l-effiċjenzi tagħha fid-dawl tal-kompetizzjoni ħarxa mad-dħul tal-low cost carriers f’pajjiżna. Il-pjan tal-2012, issa wassal biex il-kumpanija tniżżel it-telf tagħha għal madwar €4 miljuni. Permezz ta’ dan il-pjan intlaħqu ħafna aktar għanijiet marbutin mal-effiċjenza fl-operat u issa l-isforz li jrid isir irid ikun iffukat fuq il-ħidma biex dak li ntrebaħ f’dan ir-ristrutturar issa jissarraf f’riżultati finanzjarji fis-snin li ġejjin.

X’garanzija se jkollu l-gvern li l-Air Malta veru mhux se ssir feeder airline meta huwa indikat li l-Alitalia trid issaħħaħ ir-rotot lejn in-nofsinhar tal-Italja u għandha missjoni ewlenija dikjarata li trid tippromovi lill-Italja bħala destinazzjoni mhux biss turistika imma bħala investiment?
Dan kien punt li għamilna enfasi kbira dwaru fil-Parlament. Filwaqt lil l-Gvern qiegħed jgħid li mhux se jaċċetta li l-Air Malta ssir feeder airline dan jikkuntrasta ma’ dak li qal iċ-Chairman tal-Alitalia ftit tal-ġimgħat ilu fejn stqarr li aspett ewlieni ta’ dan il-ftehim jista’ jkun il-konnessjoni tal-Air Malta ma’ Sqallija. Aħna sħaqna fil-Parlament li l-Gvern għandu jżomm prerogattiva assoluta fuq din il-materja għaliex jekk min ikun qed imexxiha jiddeċiedi li jbiddel il-fiżjonomija tal-Air Malta dan ikun ifisser li pajjiżna jitlef ħolqa kruċjali għall-ekonomija tagħna.

Jekk id-diskussjonijiet mal-Alitalia jfallu x’jiġri? Jista’ jkun hemm pjan ieħor, soluzzjoni oħra, għall-Airmalta?
Bħala Oppożizzjoni, se nagħmlu l-almu tagħna kollu biex l-Air Malta jkollha soluzzjoni aħħarija. Dan qed nagħmluh għaliex l-interess ewlieni tagħna jibqa’ l-futur tal-linja tal-ajru u tal-impjegati. Dawn jiġu qabel kull kunsiderazzjoni oħra. Tkun xi tkun is-soluzzjoni, din għandha tkabbar l-operat tal-Air Malta u mhux iċċekkinha. Din hija ċ-ċavetta għall-futur: tkabbir u mhux tnaqqir. Wara kollox it-taxpayer Malti f’dawn l-aħħar għaxar snin investa aktar minn €250 miljun f’din l-azjenda u bi dritt jistenna li dan l-investiment ma jtirx mar-riħ.