Il-PN qed jitkellem fuq il-preokupazzjonijiet tan-nies … it-traffiku, il-korruzzjoni u l-iskandlu tal-Panama – Simon Busuttil
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sostna li l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika – li jikkonferma li l-preokuazzjonijiet ewlenin ta’ bħalissa huma t-traffiku, il-korruzzjoni u l-iskandlu tal-Panama – juri kif dawn huma l-issues li qed jitkellem dwahrom ukoll il-PN; konferma ta’ kemm il-PN hu partit viċin in-nies.
F’intervista fuq Radio 101 dalgħodu l-Kap tal-PN irringrazzja lill-poplu għall-appoġġ li qed juri għall-PN partikolarment fl-aħħar maratona fejn in-nies ħassew inġustizzja fil-mod kif ġab ruħu Keith Schembri. In-nies taw risposta lil Joseph Mucat, lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri u qed jgħidu lill-Gvern li mhux billi l-Prim Ministru żammhom f’posthom, għan-nies din hi problema. Dan mhux kapitlu magħluq sakemm il-pajjiż jerġa jsir wieħed normali. Simon Busuttil kompla li kienu dak li seħħ f’Malta seħħ f’pajjiżi barranin, Konrad Mizzi u Keith Schembri tneħħew.
Mhux biss huma ma kinux jibqgħu hemm iżda kien jitneħħa wkoll il-Prim Ministru għaliex għandu responabbiltà minħabba li hu ferm viċin tagħhom. Dawn l-istandards tal-Prim Ministru m’humiex aċċettabbli u l-PN irid jgħolli dawn l-istandards. Meta kien fil-Gvern, il-PN kellu difetti u għamel żbalji iżda mhux f’dan il-livell, sostna l-Kap tal-PN, li tkellem dwar il-fatt li l-pulizija mhix tinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers.
Dan hu każ ta’ korruzzjoni li qed iwerżaq. Taħt Gvern Laburista l-pajjiż kellu erba’ kummissarji tal-pulizija u issa hemm aġent kummissarju u għalhekk il-Prim Ministru għandu jieħu l-opportunità li jappunta lill-kummissarju l-ġdid bl-approvazzjoni tal-parlament. Jekk ma jsirx dan allura jkun ifisser li l-Prim Ministru ma jridx ipoġġi kummissarju serju u li lest jinvestiga.
Il-Kap tal-PN qal li l-poplu hu inkwetat bil-korruzzjoni fejn jirriżulta li din issa hi l-aktar ħaġa li qed tinkwieta lin-nies. In-nies m’humiex lesti li jibqgħu jaċċettaw din is-sitwazzjoni għaliex il-gvern qabeż kul limitu ta’ diċenza.
Simon Busuttil tkellem dwar it-theddida għad-demokrazija u qal li din qed sseħħ minn persuna ferm viċin il-Prim Ministru li qed jipprova jagħlaq ħalq il-media. Każ ieħor hu li wara tliet snin il-PN għadu jiġġieled għal żewġ deputati. Issa l-PL għandu qasma u minnu ħareġ il-Partit Demokratiku ta’ Marlene Farrugia. Każ ieħor ta’ inkwiet hu dak tal-mod kif persuni barranin idaħħlu b’mod illegali fir-reġistru elettorali.
Dwar l-indħil politiku fis-settur tas-saħħa, il-Kap tal-Opożizzjoni rrifera għall-każ ta’ tabib li rriżenja wara kien ordnat biex imur jagħmel żjara privata b’direttiva minn Kastilja. Din hi kwistjoni li qed tkun trattta mill-Assoċjazzjoni tat-Tobba (MAM) fejn qed tappella bil-qawwi lill-Gvern biex ma jindaħalx politikament fis-settur tas-saħħa.
Il-Ministru tas-Saħħa kellu jiftaħ inkjesta dwar dan il-każ għaliex il-MAM issa ddikjarat li kien hemm madwar 50 każ ta’ indħil politiku fis-settur tas-saħħa. Taħt Gvern Nazjonalista jinqeda l-ewwel min hu l-aktar fil-bżonn u ħadd ma jkollu għalxiex il-poplu jumila ruħu biex jinqeda, sostna Simon Busuttil, li kompla li dan qed isir b’mod istituzzjonalizzat fejn il-poplu qed jirċievi l-appuntamenti għall-operazzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Il-PN irid jibdel din il-mentalità.
Dwar l-Air Malta, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li d-dikjarazzjoni taċ-ċ-Chairman tal-Alitalia kienet inkwetanti għaliex fiha hu iddikjara li l-Alitalia mhi se toħroġ l-ebda euro. Hu tkellem dwar l-importanza tal-Alitalia u qal li l-Oppożizzjoni lesta tikkopera. Iżda jekk l-Airmalta issa waqfet titlef il-flus għaliex se tinbiegħ lil min mhux lest jinvesti fiha? Hu qal li l-Gvern għandu joħroġ l-ishma lill-poplu jew lill-ħaddiema.
Il-Kap tal-PN tkellem dwar it-trasport u qal li l-proposti tal-PN qed jintlaqgħu tajjeb. Dawn huma miżuri immedjati li l-gvern jista’ jwettaq bi ftit investiment. Il-Gvern għandu Ministru tat-Trasport li mhux kompetenti, li issa se jibda jipproduċi l-melħ u li għalhekk it-traffiku hu fuq quddiem fil-preokupazzjonijiet tan-nies. Il-gvern lanqas biss ippreżenta rapport lill-UE li kellu jippreżenah is-sena l-oħra.
Il-PN qed jagħti vuċi lin-nies fuq il-prijoritajiet inkwetanti li hemm bħalissa; it-trasport; il-korruzzjoni u l-Panama Papers.
Simon Busuttil qal li l-ambjent hu projorita u prijorita ewlenija għall-PN. L-ambjent ifisser kwalità ta’ ħajja aħjar, sostna Simon Busuttil, li kompla li l-PN se jkompli bid-diskussjoni u d-djalogu mal-għaqdiet ambjentali biex ifassl dokument ta’ politika aġġornata dwar l-ambjent.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-istess konsulent li fetaħ il-kumpanija għal Konrad Mizzi fetaħ kumpanja oħra fil-Brisith Virgin Islands għall-persuna Ċiniża li kienet qed tinnegozja mal-Gvern Malti. Minkejja l-gravità ta’ dan il-każ il-Prim Ministru m’ordna ebda inkjesta. Dawn il-kumpaniji infetħu minn Brian Tonna, li għandu uffiċċju f’Kastilja.
Il-PN se jippubblika skeda tal-proposti finali fid-dokument dwar il-governanza bid-dati ta’ meta dawn jitwettqu. Dawn huma proposti konkreti, sostna Simon Busuttil, li qal li l-PN jemmen bis-serjetà f’politika nadifa.
//= $special ?>