Internazzjonali

Il-Polonja tfassal qawwa paramilitari fost l-inċertezza mar-Russja

Il-Polonja qalet li, f’Settembru, se tibda tirrekluta n-nies għal ma’ qawwa tad-difiża paramilitari li għandha tkun magħmulha minn 35,000 element. Dan qed isir minħabba t-tensjoni bejn Varsavja u r-Russja.

Il-Ministru tad-Difiża Pollakk, Antoni Macierewicz, qal li diġà huma deċiżi l-ogħla pożizzjonijiet fil-qawwiet tad-difiża territorjali. Din il-qawwa Pollakka se jkollha l-voluntiera ċivili li jitħarrġu fil-kapaċitajiet militari. L-iskema għandha tikkonfronta sitwazzjonijiet ta’ gwerra speċifika bħal dik li wasslet biex xi reġjuni tal-Ukrajna jisseparaw mill-pajjiż u jiddikjaraw lealtà lir-Russja.

In-NATO ukoll qed tippjana biex tirrinforza lill-Polonja. Almenu battaljun tan-NATO se jkun stazzjonat fil-Polonja, bi tlett battaljuni oħra jintbagħtu lejn l-Istati Baltiċi ġirien – l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja. L-istazzjonar totali tat-truppi mistenni jkun madwar l-4,000, fuq bażi ta’ rotazzjoni.

Summit tan-NATO li se jsir fil-belt ta’ Varsavja, bejn it-8 u d-9 ta’ Lulju, għandu jiffinalizza d-dettalji tal-istazzjonar inkwistjoni. Intant, numru fost it-28 Stati-membri tal-Alleanza għandhom jibgħatu s-suldati biex isaħħu l-preżenza tal-Alleanza fis-settur tal-Lvant, viċin il-fruntiera tar-Russja.