Lokali

Jimmy Magro sospiż minn konsulent tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali

… hekk kif qed issir investigazzjoni b’rabta ma’ telf ta’ fondi fuq żewġ proġetti tal-UE

L-eks-Segretarju Ġenerali Laburista Jimmy Magro ġie sospiż minn konsulent part-time tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

Il-gazzetta il-mument żvelat li din is-sospensjoni seħħet wara investigazzjoni li bħalissa tinsab għaddejja dwar il-proġetti Suneagle u WTD. Mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, l-eks-Segretarju Ġenerali Laburista Jimmy Magro kien impjegat bħala Konsulent Speċjali fuq proġetti tal-UE.

Jirriżulta li l-Assoċjazzjoni tilfet ammont ta’ flus li suppost kellha tirċievi waqt li kellha tħallas lura ammont ta’ flus ieħor fuq il-proġetti Smielgov u Enescom. L-ammonti f’dawn il-proġetti jvarjaw bejn €15,000 u €30,000. Tul li ġraw dawn il-każi, l-eks-Segretarju Ġenerali Laburista Jimmy Magro kien responsabbli għal dawn il-proġetti. Fost ir-responsabbiltajiet li kellu Jimmy Magro kien hemm dik li jassigura li dan it-telf ma jseħħx.

Minnufih l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali mhux se tħallas il-pagi ta’ Jimmy Magro mill-1 ta’ Ġunju 2016. Is-sospensjoni fil-konfront ta’ Jimmy Magro se tibqa’ fis-seħħ sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet.

L-eks-Segretarju Ġenerali Laburista bħalissa jokkupa wkoll il-kariga għolja permezz tal-Malta Enterprise bħala Direttur fil-Life Sciences Park.