Ambjent Lokali

Jittella’ l-Festival Agrarju tal-Patata

Dalgħodu, fil-Qrendi, il-bdiewa tal-lokal kellhom l-opportunità joffru lill-pubbliku l-prodotti tagħhom, b’mod speċjali l-patata, waqt il-ħames edizzjoni tal-Festival Agrarju tal-Patata. Spikkat ukoll il-kreattività, fejn fost l-oħrajn kien hemm għall-bejgħ il-‘cocktail’ tal-patata, kif ukoll il-ħelu u l-ġelat magħmula mill-istess prodott tar-raba’.

Matul il-ġurnata, żar din l-attività wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, akkumpanjat minn Deputati u Uffiċjali tal-Partit li setgħu jaraw kif il-Qrendi għandu rabta speċjali mal-patata. Tant hu hekk li f’dan ir-raħal, wieħed isib il-Ġnien tal-Kmand mibni minn Sir Alexander Ball, fejn saret l-ewwel esperimentazzjoni bil-patata.

L-attivitajiet fil-Qrendi kienu mżewqa wkoll bi spettaklu fuq palk armat apposta, kif ukoll bil-ftuħ tal-Kappella storika tal-Maqluba, fejn kien hemm ukoll wirja ta’ statwi.