Rodrigo Duterte, il-President elett tal-Filippini, kompla bl-istqarrijiet kontroversjali tiegħu wara li f’rally politiku ħabbar li dawk li joqtlu traffikanti tad-droga li jkunu qed jirreżistu l-arrest se jingħataw kumpens.
Duterte, li hu magħruf fil-pajjiż għal-linja iebsa kotnra l-kriminalità, rebaħ l-elezzjoni Presidenzjali fid-9 ta’ Mejju bil-wegħda li f’sitt xhur minn mindu jieħu l-ġurament tal-poter kien se jkisser il-kriminalità u korruzzjoni fil-pajjiż. Hu issa jieħu l-ġurament tal-ħatra fl-aħħar tax-xahar.
Waqt diskors f’Davao, il-belt li tagħha kien Sindku, li xxandar fuq il-mezzi tax-xandir nazzjonali, Duterte qal li ċ-ċittadini setgħu jieħdu l-liġi f’idejhom jekk dan kien se jsir biex jgħinuh fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Hu qal li dawk li għandhom arma kellhom l-appoġġ tiegħu beix jieħdu l-ġustizzja f’idejhom.
Hu qal li traffikant tad-droga li jirreżisti l-arrest jew jhedded lil xi ħadd kellu jinqatel fuq il-post mingħajr ebda problema.
Kumpens għal min joqtol it-traffikanti tad-droga fil-Filippini
