Lokali

Manuvri f’Kastilja għat-twaqqif tal-awtorità l-ġdida tal-artijiet tal-gvern

Il-gazzetta il-mument illum żvelat li qed isiru l-aħħar irtokki biex il-liġi li tirregola l-Awtorità tal-Artijiet titwaqqaf fil-ġimgħat li ġejjien. L-Abbozz ta’ Liġi se jitressaq għad-diskussjoni fil-Parlament qabel ma jaġġorna għall-btajjel tas-sajf.

Jidher ċar li l-Gvern Laburista mhux se jżomm il-wegħda tiegħu ta’ meritokrazija fl-għażla ta’ postijiet pubbliċi fil-pass li jmiss li titwaqqaf l-Awtorità tal-Artijiet. L-avukat Alex Sciberras, Kandidat Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali, eks-Sindku Laburista tal-Imsida u jimmilita ħafna fil-Partit Laburista qed jissemma’ ġewwa l-kuruturi intimi ta’ Kastilja bħala l-midluk għal kariga ġdida ta’ Kap Eżekuttiv ta’ din l-awtorità li l-Gvern se jwaqqaf biex tibda tieħu ħsieb l-artijiet tal-Gvern.

Bħalissa qed isiru l-aħħar irtokki biex il-liġi li tirregola din l-awtorità titwaqqaf fil-ġimgħat li ġejjien. Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri diġà infurmat l-Uffiċċju tal-Ispeaker ħalli din il-liġi tittella’ għad-diskussjoni fil-ġranet li ġejjin.

Din l-awtorità se tieħu post id-Dipartiment tal-Artijiet. Kemm ilu dan id-dipartiment immexxi minn Kastilja ġie mifni bi skandlu, wieħed wara l-ieħor. L-iskandli laħqu l-qofol tagħhom bil-każ ta’ Gaffarena. Segretarju Parlamentari, wieħed wara l-ieħor inbiddlu, waqt li qatt daqs taħt dan il-gvern il-ħaddiema ta’ dan id-dipartiment ma ġew demoralizzati. Saħansitra ġew mgħajra ġrieden minn gazzetta qrib ħafna ta’ Keith Schembri.

Dan li qiegħed ikun żvelata esklussivament minn il-mument, jafuh bih iċ-ċirku ristrett ta’ nies li jaħdmu mal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja. Fost dawn il-persuni li qed jaħdmu fuq dan il-proġett hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, il-Ministru bla Portafoll f’Kastilja Konrad Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri u fuq kollox il-konsulent Brian Tonna. Dan tal-aħħar huwa l-persuna li jmexxi l-kumpanija Nexia BT imsemmija fl-iskandlu tal-ftuħ ta’ kumpaniji sigrieti fil-Panama minn Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalulna wkoll li tinħass sew il-preżenza ta’ Alex Sciberras f’Kastilja, tant li għandu skrivanija biex ikun jista’ jaħdem fil-qrib ma’ Keith Schembri, ma’ Konrad Mizzi u mal-konsulent Brian Tonna.

Is-sorsi qalulna li din il-manuvra qiegħda ssir biex il-Gvern Laburista jkollu aktar kontroll fuq dawk l-uffiċjali jew ħaddiema fiċ-Ċivil li jkollhom x’jaqsmu mal-artijiet. L-istess sorsi qalulna wkoll li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv, kif ġiet maħduma, tippermetti li minn jeħodha ma jidher imkien fid-deċiżjonijiet li jkunu qed jittieħdu, għaliex id-deċiżjonijiet se jieħodhom il-Bord u mhux il-Kap Eżekuttiv. Il-Kap Eżekuttiv se jkollu l-kariga protetta billi ma jingħatax id-dritt tal-vot waqt li se jkun qed jiġbed l-ispagi minn wara.

Iżda dawn is-sorsi f’Kastilja qed isostnu li f’din il-kariga trid titqiegħed persuna li tkun kapaċi tagħmel pressjoni fuq il-membri oħra tal-Bord. Fl-istess waqt, biex ikun aktar protett, il-Bord se jkun magħmul minn disa’ membri, u wieħed biss se jkun magħżul mill-Oppożizzjoni. Tant hemm segretezza u konvinzjoni li ħadd ma jaf b’xejn, li saħansitra nkiteb dokument u fih speċifikament isir referenza għal Alex Sciberras bħala l-persuna li għandha tingħata din il-kariga.

Għalhekk waqt li lanqas biss għadu ġie diskuss fil-Parlament l-abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu se titwaqqaf din l-awtorità pubblika ġdida, is-sorsi qrib Kastilja li tkellmu ma’ il-mument qalu li kollox jinsab ippjanat biex dan il-post jingħata lill-avukat Alex Sciberras; iben l-eks-Imħallef Philip Sciberras, eks-kandidat Laburista u li bħal ibnu Alex, mhux l-ewwel darba li ntagħżel mill-Gvern ta’ Joseph Muscat biex imexxi numru ta’ inkjesti.

Ix-xogħol mid-Dipartiment tal-Artijiet twaqqaf wara rapport tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali li kien ikkundanna lill-Gvern Laburista għal mod kif sar il-proċess ta’ esproprjazzjoni ta’ parti minn palazz fi Strada Zekka. Minkejja li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ippuntat subgħajha lejn Kastilja, il-Gvern waħħal fil-ħaddiema, ittrattahom ta’ kriminali u bgħattilhom il-pulizija li bdiet tissorvelja l-operat tagħhom.